Pop, Drama U L-Karnival Fil-Manoel Fi Frar
F’Jannar it-Teatru Manoel ifakkar il-290 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Għaldaqstant qed jiċċelebra bi spettaklu allegruż b’tifkira tal-mużika leġġendarja tal-grupp pop l-aktar famuż tal-Iżvezja – ABBA; debutt bil-Malti ta’ dramm ċelebri; u spettaklu grandjuż għall-familja kollha dwar il-Karnival, biex b’hekk il-programm tat-teatru għax-xahar ta’ Frar se jkun wieħed li ma tistax titilfu.
GOLD: Celebrating 50 Years of Music by Sweden’s Most Famous Pop Group se jippreżenta l-kanzunetti immortali tal-ABBA b’interpretazzjoni live għal tliet serati biss, fl-10, il-11 u t-12 ta’ Frar. Bi produzzjoni tat-Teatru Manoel, l-Artist Kreattiv Antoine Farrugia u l-Mexxej tal-Band Melchior Busuttil se jidderieġu kast ta’ kantanti brillanti fosthom Jasmine Abela, Michela Galea, Martina Borg, Glen Vella, Kevin Borg u Ludwig Galea, akkumpanjati minn żeffiena b’koreografija ta’ Celaine Buhagiar.
Bejn it-18 u l-20 ta’ Frar, għall-ewwel darba f’Malta l-udjenzi se jkunu jistgħu jesperjenzaw Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell, addattament ġdid bil-lingwa Maltija tad-dramm ċelebri ta’ Peter Brook, ibbażat fuq il-ktieb The Man Who Mistook His Wife For a Hat miktub min-newrologu eminenti Oliver Sacks. Din il-produzzjoni unika tal-Manoel, tradotta għall-Malti u bid-direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi, tesplora l-istejjer tal-każijiet straordinarji tal-pazjenti newroloġiċi ta’ Sacks, imwassla minn uħud mill-aqwa artisti tat-teatru f’Malta, fosthom Mikhail Basmadjian, Ray Calleja, Vince Micallef Pulè u Charles Sammut.
Il-Manoel imbagħad se jagħlaq ix-xahar bi spettaklu sensazzjonali tal-karnival, li se jittella’ fuq il-palk fis-27 u t-28 ta’ Frar, u l-1 ta’ Marzu. Il-Karnival fil-Manoel… Kuluri u Fantasija se jagħti pjaċir lill-familja kollha bi vjaġġ lejn id-dinja vivaċi tal-Karnival ta’ Malta, bħala parti mill-programm uffiċjali tal-karnival ta’ Festivals Malta. Din il-produzzjoni TOI TOI, b’kitba u direzzjoni ta’ Brian Bonnici, se tittella’ mit-TOI TOI Collective, bis-sehem ta’ Sarah Amato, Charlotte Formosa u Bertha Farrugia flimkien mal-artist mistieden Jeremy Grech, li se jirrakkuntaw l-istorja tal-Karnival permezz tad-drama, żfin, projections, logħob u kant. Il-Karnival fil-Manoel se jintroduċi diversi karattri, fosthom il-Gran Mastru Manoel de Vilhena u Perlinu, il-pupazz popolari li jieħu l-ħajja, u se jinkludi wkoll diversi kostumi meraviljużi mill-kompetizzjonijiet taż-żfin u tal-kostumi tal-karnival minn snin riċenti.
“Frar fit-Teatru Manoel mistenni joffri programm ieħor ippakkjat bi produzzjonijiet li ma tinsiehom qatt,” qal Massimo Zammit, Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. “B’rappreżentazzjonijiet li jvarjaw minn wirjiet divertenti u ferriħija għal debutti drammatiċi, dan ix-xahar il-Manoel – bħala t-teatru nazzjonali ta’ Malta – se jibqa’ l-pedament sod u xieraq għax-xena tal-arti, vibranti u miżgħuda bit-talent, ta’ gżiritna.”
GOLD: Celebrating 50 Years of Music by Sweden’s Most Famous Pop Group se tittella’ fl-10, 11 u 12 ta’ Frar, bil-wirjiet kollha jibdew fit-8pm. Ir-Raġel li Ħawwad lil Martu ma’ Kappell se ssir nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Frar fit-8pm, is-Sibt 19 ta’ Frar fit-8pm, u l-Ħadd 20 ta’ Frar fit-3pm u fis-7pm. Il-Karnival fil-Manoel… Kuluri u Fantasija se tittella’ fis-27 ta’ Frar fil-11am u fl-4pm, fit-28 ta’ Frar fit-3pm, u fl-1 ta’ Marzu fil-11am. L-avvenimenti fit-Teatru Manoel huma konformi mal-linji gwida kurrenti kollha b’rabta mal-COVID-19. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email fuq [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.