Xi Tfisser Li Tagħti Bewsa Fuq Il-Moħħ?

 Xi Tfisser Li Tagħti Bewsa Fuq Il-Moħħ?
Dr. Nichola Briffa kiteb dwar ġest ħelu li ħafna minna jieħdu gost bih; il-Bewsa fuq il-moħħ. Qatt qlajtuha?
Spjega kif il-bewsa fuq il-moħħ jingħad li hija s-simbolu eċċellenti ta’ protezzjoni, rispett, viċinanza emozzjonali, tenerezza u affezzjoni.
Qal li dan huwa ġest li jirrappreżenta mħabba profonda u huwa ġest differenti mill-bewsa erotika li tingħata fuq ix-xufftejn.
“Imma għala? Meta xi ħadd ibusek fuq moħħok spiss jingħad li dak li jkun ikun qed imisslek ruħek.”
Briffa kompla jagħti tagħrif dwar din il-bewsa fejn qal li din l-idea ta’ oriġini Kartesjana (ġejja mill-filosfu u xjentist Franċiż René Descartes – circa 1620) hija bbażata fuq il-fatt li eżatt wara l-biċċa ta’ quddiem tal-moħħ (iżjed lejn iċ-ċentru tar-ras) tinsab glandola żgħira imsejħa l-glandola pineali.
Dak iż-żmien it-tradizzjoni xjentifika kienet tgħid li din il-glandola tirrappreżenta aċċess dirett għar-ruħ tal-persuna li tirċievi dik il-bewsa. Kemm huwa importanti li nuru affezzjoni lil xulxin!
(FATT – minkejja li sal-lum għadna ma nafux l-irwoli kollha ta’ din il-glandola, grazzi għall-għodod moderni tan-newroimmaġini nafu li x-xogħol primarju tagħha huwa fl-irqad u l-produzzjoni tal-melatonina fost affarijiet oħra. Il-melatonina hija ormon importanti ħafna fiċ-ċiklu irqad-qawmien)
Interessanti mmens. Grazzi Dott.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com