Alfred Sant Jagħmel Sejħa Qawwija Lill-Ewropa Biex Tiżviluppa Relazzjoni Sinifikanti Fit-Tul Mar-Russja

 Alfred Sant Jagħmel Sejħa Qawwija Lill-Ewropa Biex Tiżviluppa Relazzjoni Sinifikanti Fit-Tul Mar-Russja

F’diskors lill-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, l-eks Prim Ministru u l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista tal-S&D Alfred Sant appella lill-Unjoni Ewropea biex ma tabbandunax il-viżjoni mressqa minn de Gaulle u Willy Brandt li antiċipat Ewropa li fiha r-Russja u l-bqija tal-Ewropa jokkupaw spazju sinifikanti.

Il-plenarja dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja ffukat prinċipalment fuq is-sigurtà Ewropea u t-theddida militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw li jekk ir-Russja tagħżel it-triq tal-gwerra l-Unjoni Ewropea ser tkun ippreparata għaliha.

Il-MPE Laburista qal li jekk ir-Russja tinvadi l-Ukrajna, tkun qed tagħmel żball kbir, li jagħmel ħsara kbira lill-pożizzjoni u l-interessi tagħha. Huwa saħaq li t-tort għan-nuqqas ta’ progress attwali m’għandux jitpoġġa biss fuq ir-Russja iżda wkoll fuq il-potenzi tal-Punent li konsistentement jemmnu li kellhom il-vantaġġ fi kwalunkwe konfront fit-tul bejn it-tnejn.

Sant qal li matul is-snin, il-potenzi tal-Punent injoraw it-tħassib leġittimu tar-Russja dwar is-sigurtà tagħha, intervjenew fl-ekonomija tagħha u kisru l-wegħdiet miftuħa tagħhom li ma jestendux il-firxa militari tagħhom fl-Ewropa. Meta dan b’dispjaċir għen biex jippromwovi awtoritarjaniżmu fil-governanza tar-Russja, il-poteri tal-Punent ikkonsolidaw aktar il-konfront, żied jgħid. Ir-riżultat kien li s-sigurtà leġittima u tħassib ieħor tal-ġirien tar-Russja saru ristretti u għalhekk dan ġiegħlhom iduru għan-NATO għall-protezzjoni.

Is-sejħa tal-President Franċiż de Gaulle għal Ewropa li tinfirex mill-Atlantiku sal-Urali, u l-viżjoni Ostpolitik tal-Kanċillier Ġermaniż Willy Brandt ġew abbandunati.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com