Id-DPM Chris Fearne Jkompli Jħabbar Aktar Rilaxx Ta’ Miżuri

 Id-DPM Chris Fearne Jkompli Jħabbar Aktar Rilaxx Ta’ Miżuri

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet kompla jħabbar diversi rilaxx ta’ miżuri b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19. Dan wara li s-sitwazzjoni tidher li baqgħet taħt kontroll wara li fil-ġimgħat li għaddew tneħħew bosta miżuri.

Illum l-għadd ta’ persuni li nstabu pożittivi għall-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa kien ta’ 109 persuni, filwaqt li fiequ 292 persuna oħra. B’hekk, l-ammont totali ta’ persuni bil-virus attwalment huwa ta’ 1,197.

B’kollox hemm 45 persuna rikoverati fl-isptar Mater Dei li minnhom hemm 3 persuni fl-ITU.

Il-Ministru Fearne ħabbar li mill-21 ta’ Frar dawk il-persuni li jkunu f’kuntatt dirett ma’ każ pożittiv u li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, il-kwarantina se tinżel minn sebat ijiem għal ħamest ijiem bi swab test fl-aħħar jum li jirriżulta fin-negattiv. Mis-7 ta’ Marzu l-pjan huwa li din il-kwarantina titneħħa.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal ukoll li mis-7 ta’ Marzu persuni li jkunu pożittivi bil-Coivd-19 u li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu se jkunu jistgħu jagħmlu kwarantina ta’ sebat ijiem, bi swab test fl-aħħar jum li jirriżulta fin-negattiv.

Waqt din il-konferenza tħabbar li mill-14 ta’ Marzu il-maskri mhux se jibqgħu obbligatorji f’postijiet pubbliċi fuq barra għalkemm iridu jibqgħu jintlibsu f’attivitajiet tal-massa u fejn ikun hemm ġemgħat kbar ta’ nies. Il-maskri għalissa jridu jibqgħu jintlibsu wkoll f’postijiet pubbliċi li jkunu fuq ġewwa.

Il-Ministru Fearne ħabbar ukoll li se jkun qed jitneħħa l-obbligu legali li funeral ta’ persuna li tkun mietet pożittiva għall-Covid-19 jsir f’24 siegħa. Dan minflok se jkun estiż għal 48 siegħa.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne temm jgħid li l-pjan huwa li Malta terġa’ lura għall-ħajja normali sa tmiem ir-Rebbiegħa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com