Iffirmar Tal-Ismall Grant Schemes Agreement Ma’ Seba’ Kunsilli Lokali B’Investiment Ta’ Madwar €690,000

 Iffirmar Tal-Ismall Grant Schemes Agreement Ma’ Seba’ Kunsilli Lokali B’Investiment Ta’ Madwar €690,000

Il-Ministru José Herrera flimkien mal-Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ppresedew l-iffirmar tal-Ismall Grant Schemes Agreement, iffinanzjati mill-fondi Norveġiżi bejn id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali bħala Small Grant Schemes Operators u seba’ kunsilli lokali meqjusa bħala lokalitajiet urbani, sabiex iwettqu proġetti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Il-kunsilli lokali li ffirmaw dan il-ftehim huma Santa Venera, Ħal Tarxien, Paola, il-Marsa, il-Birgu, Tas-Sliema u l-Isla. Bejniethom dawn is-seba’ kunsilli lokali se jingħataw l-ammont ta’ €690,000.

Il-proġetti jinkludu: żvilupp ta’ ċentru li se jgħin sabiex wieħed ikollu ħiliet ġodda u b’hekk ikollu aktar opportunitajiet ta’ xogħol; riġenerazzjoni ta’ ġnien u playground sabiex jintużaw għal skopijiet soċjo-kulturali u edukattivi;  se  jingħata servizz ta’ mobilità u aċċessibilità lil persuni vulnerabbli; żvilupp ta’ Active Ageing Day Centre li jipprovdi faċilitajiet għal persuni anzjani fil-komunità; proġett li jippromwovi l-inklużjoni soċjali fejn se jiġu żviluppati faċilitajiet li jipprovdu ambjent sigur għall-anzjani; se jiġu organizzati attivitajiet fil-beraħ għall-anzjani fil-komunità kif ukoll se jiġu organizzati diversi attivitajiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-povertà.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera stqarr li, permezz ta’ dawn il-proġetti, il-kunsilli lokali se jkomplu jgħinu sabiex ikun hemm riġenerazzjoni fiżika, ekonomika u soċjali fil-komunitajiet li l-aktar għandhom bżonn. Apparti dan, se jtejbu u jgħinu fil-ħtiġijiet soċjali u edukattivi taċ-ċittadini u jtejbu l-aspetti ambjentali fil-lokalità rispettiva tagħhom. Huwa awgura lill-kunsilli lokali li bbenefikaw minn dawn il-fondi, li permezz tagħhom se jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela spjega kif permezz ta’ dawn il-fondi Norveġiżi, li huma indirizzati għall-kunsilli lokali li jinsabu f’lokalitajiet urbani f’pajjiżna, se jkunu jistgħu jimplimentaw proġetti bl-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u jagħmlu differenza fil-komunitajiet tagħna.

Il-Ministru Abela semma kif, matul is-sena li għaddiet, l-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta assistiet lil 21 kunsill lokali biex jissottommettu applikazzjonijiet għal fondi, li 15 minnhom ġew magħżula għall-fondi mill-awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-programmi differenti ta’ fondi li għalihom applikaw dawn il-kunsilli lokali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l-iskema, li qed tiġi ffinanzjata permezz ta’ fondi Norveġiż, hija miżura oħra li se tkun qed tinċentiva iktar xogħol u proġetti favur komunitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom. Dr Zrinzo Azzopardi qal li dan il-gvern, permezz ta’ dawn il-fondi, se jkun qed jagħti l-għodda kollha neċessarja lill-kunsilli lokali biex huma jkollhom biex jaħdmu u jwettqu aktar bidliet pożittivi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com