“Il-Gvern Jikkonferma Li Qed Jisirqek B’Mod Maħsub” – Il-PN
“Il-Gvern illum ammetta li qed jisirqek b’mod maħsub u mhux bi żball fit-taxxa fuq id-dħul.” Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ikkonferma dan fil-post fuq il-mezzi soċjali aktar kmieni dalgħodu.
Il-PN kompla jgħid li f’konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Partit Laburista llum għamel siegħa mingħajr ma jispjega għaliex in-nies ilhom snin jinsterqu mill-income tax tagħhom, “imma minflok baqa’ jirrepeti akkużi skaduti.”
“Kif kien għamel fuq is-serq tal-kontijiet tad-dawl u ilma, il-Gvern ħeba, seraq, u inkixef. Issa li nqabad qed jinfexx fl-Oppożizzjoni,” saħaq il-PN.
Intqal ukoll li minn rapporti li ħarġu llum Robert Abela ħa mill-inqas €28,000 fix-xahar, u mhux €17,000.
Il-PN tenna li “l-partit li daħħal lil Malta fil-greylist u sploda d-dejn pubbliku, m’għandux kredibbiltá fl-ekonomija.”
“Robert Abela li sab is-sodda mifruxa huwa maqtugħ min-nies,” temm jgħid il-PN.