“Il-Ħolma Tiegħi Hija Sempliċi…Irrid Pajjiż Li Jkun Kburi U Li Jemmen F’Niesu” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

 “Il-Ħolma Tiegħi Hija Sempliċi…Irrid Pajjiż Li Jkun Kburi U Li Jemmen F’Niesu” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

F’messaġġ mill-Kap tal-PN Bernard Grech qal li dan hu l-mument li nagħtu lil Malta paġna ġdida biex timxi ‘l quddiem fil-paċi u l-prosperita’.

Grech qal li huwa qiegħed hemm għax irid iservi u jkun ta’ servizz lill-poplu u lil Malta u mhux għax irid il-poter. “Il-ħolma tiegħi hija sempliċi. Irrid pajjiż li jkun kburi u li jemmen f’niesu.”

Il-Kap tal-PN tenna li jrid ikun fil-Gvern sabiex itejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta, “għaliex pajjiż stmat biss jista’ jattira l-aqwa impjiegi u jagħti l-aqwa futur lil uliedna.”

Huwa kompla jgħid li jrid pajjiż li jinkoraġġixxi lill-poplu tiegħu li jsir l-aqwa li jista’ jkun kif ukoll pajjiż li jkun magħruf bħala post fejn kulħadd jieħu gost jgħix fih.

“Tħallu lil ħadd jgħidilkom li dan hu impossibbli. Kull kisba tidher impossibbli sakemm tintlaħaq,” saħaq Bernard Grech, filwaqt li tenna li l-politiċi mhumiex kollha l-istess.

Il-Kap tal-PN qal li huwa mhuwiex perfett, u lanqas il-Partit Nazzjonalista.

“Imma filwaqt li ħaddieħor abbuża mill-fiduċja, seraqlek flusek u kisser isem Malta, aħna qattajna l-aħħar għaxar snin nisimgħuk u nibnu l-viżjoni li jmiss għal dan il-pajjiż,” sostna Bernard Grech.

Huwa temm jgħid li hemm tim ta’ nies kompetenti u li lkoll qegħdin fil-politika għar-raġunijiet it-tajbin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com