Il-PL Jwiegħed €500 Għal 3 Snin Għall-Ġenituri Kollha Li Uliedhom Ikomplu Bl-Edukazzjoni Wara L-Età Obbligatorja

 Il-PL Jwiegħed €500 Għal 3 Snin Għall-Ġenituri Kollha Li Uliedhom Ikomplu Bl-Edukazzjoni Wara L-Età Obbligatorja

“Malta Isbaħ. Kwalità tal-ħajja aħjar u opportunitajiet għal kulħadd. Huma dawn l-għanijiet li rridu nilħqu bil-proposti li qed inħabbru ma’ kull jum li jgħaddi. Ideat li jiddefinixxu l-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn il-futur. L-emfasi f’dan il-każ huwa fuq il-familja, partikolarment it-tfal. Tfal li rridu nagħtuhom l-aqwa opportunitajiet edukattivi, filwaqt li jgħixu f’pajjiż isbaħ.”

Dan qalu il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien li matulha ħabbar proposti li se jwasslu li jgħinu l-koppji isiru ġenituri; jagħtu garanzija lit-tfal ta’ għada aħjar u jkunu ta’ spalla għall-familji.

“Kollox jibda mal-ħajja, it-twelid. U li tkun ġenitur hi opportunità li rridu li f’pajjiżna jkollu kulħadd. Se nkomplu ngħinu l-koppji Maltin u Għawdxin isiru ġenituri f’pajjiżna.  Irrid li nibnu fuq il-passi kbar li għamilna diġà f’dan is-settur.  Biex kulħadd ikollu l-opportunità li jsir ġenitur u għalhekk se nestendu s-servizz tal-IVF,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru ħabbar li se jitressqu emendi fil-liġi tal-IVF biex nintroduċu f’pajjiżna servizzi ġodda bl-aktar teknoloġiji moderni ħalli ngħinu iktar koppji bi problemi, inkluż ta’ infertilità, biex ikunu jistgħu jsiru ġenituri f’pajjiżna stess. “Irridu nwessgħu l-proċeduri li tippermetti x-xjenza ħalli ngħinu koppji li batew ħafna u baqgħu ma sarux ġenituri. Koppji li sofrew minn miscarraiges ripetuti, li temmew ċikli tal-IVF li ma rnexxewx jew li għandhom storja ta’ kumplikazzjonijiet mediċi. Għandna r-rieda u l-kuraġġ li nwettqu bidliet li ma sarux sa issa,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa ħabbar ukoll li se jiġi estiż s-servizz tal-IVF b’mod li kull min diġà għamlu b’suċċess ikollu ċ-ċans għal wild ieħor. Hemm każi fejn dan diġà jeżisti. Iżda, hemm oħrajn li bir-regolamenti viġenti dan iċ-ċans jintilef. Dan jikkumplimenta wkoll dak li tħabbar ftit ilu, jiġifieri li l-mediċini kollha assoċjati ma’ dan il-proċess se jkunu qed jingħataw b’xejn b’effett mill-1 ta’ Jannar tal-2022.

“It-tfal huma Malta ta’ għada. Iżda rridu ninvestu fihom kemm nifilħu mil-lum. Se nniedu Garanzija għat-Tfal. Bħalma għandna Garanzija għaż-Żgħażagħ issa rridu Garanzija għat-Tfal. L-għanijiet, tagħna huma li t-tfal kollha jilħqu l-potenzjal tagħhom. Nemmnu fil-potenzjal ta’ kull tifel u tifla,” saħaq il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru qal li fil-Garanzija għat-Tfal se jkun hemm investiment ta’ €145 miljun fil-ħames snin li ġejjin u ħabbar ukoll li se tiġġedded il-Garanzija taż-Żgħażagħ. Se tingħata €500 għal 3 snin, jiġifieri €1500 lill dawk il-ġenituri kollha li uliedhom ikomplu bl-edukazzjoni wara l-età obbligatorja. Din se tingħata għal kull wild minn 16 il-sena ‘l fuq u dak l-istudent li jgħix għal rasu jeħodha hu stess.

“Dawn huma pilastri li fuqhom se nkunu qed nibnu Malta aħjar fil-ħames snin li ġejjin. Jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja se nsarrfuha billi nwettqu dan kollu b’risq il-koppji, it-tfal u l-familji,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com