Il-PN: €10,000 Jekk Tneħħi L-Karozza Qadima Tiegħek U Tagħmel 5 Snin Tuża Trasport Alternattiv

 Il-PN: €10,000 Jekk Tneħħi L-Karozza Qadima Tiegħek U Tagħmel 5 Snin Tuża Trasport Alternattiv

“Ġejjin sfidi kbar u l-Maltin jeħtieġu tmexxija soda li timbotta ta’ kuljum l-interessi tagħhom u mhux tal-politikanti fil-poter. Għoli tal-ħajja, kunflitt fl-Ukrajna li jista’ jaffetwa prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, piżijiet tal-lista l-griża: dawn kollha jeħtieġu tmexxija serja bla rabta ma’ kriminali.”

Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn spjega f’dettall uħud mill-proposti fil-viżjoni tal-PN ‘Miegħek għal Malta’.

Grech spjega kif f’kuntest ta’ rkupru ekonomiku u fl-isfond ta’ sfidi globali għandna bżonn fuq kollox ta’ Gvern b’ruħ soċjali li jmexxi b’determinazzjoni, mingħajr ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura.

Dr Bernard Grech qal li l-PN qed jippreżenta politika konkreta li tindirizza l-faqar minn għeruqu, u li tara li jonqos drastikament in-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-PN qed jipproponi li jiddaħħal mekkaniżmu ġdid ta’ kif jitkejjel il-ġid f’pajjiżna li ma’ jkunx biss iddeterminat mill-indikaturi ekonomiċi bħal Prodott Gross Domestiku (GDP) iżda jkun kompost minn firxa ta’ indikaturi li jkejlu l-benesseri tas-soċjetà u tal-komunitajiet tagħna.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed inaqqas ir-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji li jkunu konformi u responsabbli fuq l-ambjent, it-tmexxija tajba u fuq il-qalb sojali, għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt li jinżammu fin-negozju. Dan biex jinċentiva aktar investiment fl-intrapriżi tagħna.

Il-Kap tal-PN ħabbar li jekk persuna tispiċċa bla xogħol, l-ewwel tnax-il xahar ta’ wara li l-persuna tiġi qiegħda ser tirċievi benefiċċju ekwivalenti għall-paga minima. “Dan biex ngħinuhom jitħarrġu u jsibu impjieg li jrendi. Hekk nerġgħu nagħtu lura d-dinjità, ma’ nħallux kultura ta’ qagħad tiżviluppa, filwaqt li ninċentivaw aktar taħriġ u speċjalizzazzjoni,” spjega Grech.

Il-PN qed iwiegħed ukoll li jniedi skema ta’ appoġġ għall-ħaddiema u s-self-employed li jkollhom jieqfu mix-xogħol għal perjodu relattivament twil minħabba mard serju. Dan il-programm ikun jinkludi benefiċċju finanzjarju, kreditu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lill-ħaddiema u lil min iħaddem, u appoġġ personalizzat ta’ terapija.

Minbarra l-aspetti soċjali u tas-suq tax-xogħol, Gvern ġdid Nazzjonalista ifisser bidla għall-aħjar favur il-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Qabel xejn ser nagħrfu l-ħtieġa li nipproteġu l-ispazji miftuħa u l-ambjent rurali tagħna, bħala l-pulmun tal-pajjiż.

Fir-rigward tal-ambjent il-PN qed jipproponi li jsir eżerċizzju biex kull sena l-Gvern iżid 50,000 metru kwardu ta’ art pubblika maz-zoni meqjusin barra miz-zona ta’ żvilupp.

Bernard Grech qed iwiegħed ukoll li biex art li hija barra miz-zona ta’ żvilupp tiddaħħal fiż-żoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terżi tal-Parlament.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jindirizza l-problema tal-konġestjoni billi jitnaqqsu l-vetturi li jaħdmu bil-fjuwil mit-toroq u tkun appoġġjata l-mobbiltà moderna u nadifa billi tingħata għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 5 snin biex aktar familji jitħajru jeħilsu mill-vettura qadima tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jerġgħux jiksbu vettura oħra tul il-perjodu.

“Irridu npoġġu l-kwalità tal-ħajja u l-mod ta’ kif ngħixuha fiċ-ċentru tal-politika tagħna,” saħaq Bernard Grech. Huwa żied jgħid li kull ċittadin jeħtieġ jagħmel il-parti tiegħu, “il-bidla l-kbira tibda bil-bidliet iż-żgħar ta’ kull wieħed u waħda minna.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com