Imnedija L-Iskemi Għall-Patrimonju Kulturali Għall-2022 Bħala Parti Minn Investiment Ta’ €7 Miljun F’Fondi B’Risq L-Arti
Bħala parti minn investiment ta’ €7 miljuni fis-setturi kreattivi u kulturali għall-2022 mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u d-Direttriċi tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary-Ann Cauchi taw id-dettalji tal-Iskemi tal-Wirt Kulturali li jinkludu 3 sejħiet speċifiċi maħsuba biex jappoġġaw il-kultura tradizzjonali lokali.
It-3 sejħiet huma l-Istandards tas-Saħħa u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Logħob tan-Nar, Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi, Għaqdiet Kulturali u Għaqdiet Soċjali u l-Għajnuna għall-Każini tal-Banda Lokali. Dawn it-3 sejħiet huma intrinsikament marbuta mal-impenn tal-Gvern lejn l-appoġġ tal-kultura tradizzjonali fid-diversi forom tagħha. Il-benefiċjarji kollha li diġà gawdew minn dawn is-sejħiet fl-imgħoddi wrew impenn kbir lejn il-preservazzjoni tal-arti tradizzjonali fil-komunitajiet rispettivi tagħhom filwaqt li rawmu sens ta’ identità nazzjonali permezz tal-kultura.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet illi għaliha attendew ukoll għadd ta’ benefiċjarji preċedenti, il-Ministru José Herrera enfasizza l-ħtieġa li nkomplu nappoġġjaw u nħarsu t-tradizzjonijiet lokali, mhux biss bħala mezz ta’ preservazzjoni tal-istorja iżda wkoll bħala ekosistema li għadha tevolvi u trawwem it-talent fil-livelli lokali u nazzjonali. “Il-ħidma ta’ għadd ta’ voluntiera li jiddedikaw ħajjithom lejn l-elementi tradizzjonali tal-kultura tagħna, b’mod speċjali dawk tal-Festa Maltija, jistħoqqilhom l-appoġġ sħiħ tal-Gvern tagħna”, qal il-Ministru Herrera. “L-impenn tagħhom huwa s-sinsla ta’ ekosistema kulturali usa’ li diġà pproduċiet u għadha tipproduċi artisti ta’ talent, u jmur adirittura wkoll lil hinn minn dak l-effett psikoloġiku pożittiv illi kapaċi jġibu ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali lokali għall-komunitajiet tagħna”, kompla jgħid il-Ministru Herrera.
Id-Direttriċi tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary-Ann Cauchi fissret l-investiment allokat għal dawn is-sejħiet u l-prinċipji gwida li jrieġu l-għotjiet ta’ finanzjament. “Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa tassew impenjat biex jassisti s-setturi kreattivi u kulturali tagħna bl-aktar mod wiesa’ possibbli. Il-prinċipju gwida ta’ dawn is-sejħiet jisħaq illi kulħadd għandu jkollu opportunità ugwali li jgawdi l-arti u l-kultura. Proprju għalhekk matul is-sena fittixna nsaħħu l-investiment fl-arti u fil-kultura tradizzjonali ukoll”, qalet Cauchi.
Din is-sena, il-fondi allokati għall-Wirt Kulturali iqqarbu n-nofs miljun euro. Tliet sejħiet separati se jinfetħu matul ix-xhur li ġejjin. L-ewwel sejħa li tiffoka fuq l-Istandards tas-Saħħa u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Logħob tan-Nar issa hija miftuħa. It-tieni sejħa li tiffoka fuq Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi, Għaqdiet Kulturali u Għaqdiet Soċjali tiftaħ fil-21 ta’ Ġunju. It-tielet skema se tiftaħ matul ir-raba’ kwart ta’ din is-sena. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal kull skema tiftaħ online għal madwar 6 ġimgħat, kull waħda b’data ta’ skadenza distintiva tagħha.
Ritratt prinċipali: Facebook / Festa Marija Bambina Naxxar
Ritratt ieħor: DOI