It-Teatru Manoel Se Jagħti L-Ħajja Lill-Karnival Ta’ Malta

 It-Teatru Manoel Se Jagħti L-Ħajja Lill-Karnival Ta’ Malta

Skopri d-dinja brijuża tal-Karnival ta’ Malta, fil-Manoel dan ix-xahar – Produzzjoni TOI TOI ġdida fit-Teatru Manoel mistennija tesplora l-istorja kkulurita tal-Karnival fil-gżejjer Maltin, bħala parti mill-programm uffiċjali tal-karnival ta’ Festivals Malta.

Fi spettaklu li se jagħti gost lit-tfal kif ukoll lill-kbar, Il-Karnival fil-Manoel… Kuluri u Fantasija se jieħu lill-familja kollha fuq vjaġġ eċċitanti u mill-isbaħ, ikkumplimentati minn ħsejjes allegrużi u l-istorja affaxxinanti tal-Karnival ta’ Malta – u se jiskopri wkoll ċelebrazzjonijiet tal-karnival minn madwar id-dinja.

Din hija l-ewwel wirja tax-xorta tagħha li se tkun qed twassal l-istorja tal-karnival fuq il-palk tat-teatru nazzjonali. B’kitba u direzzjoni tad-dilettant tal-karnival Brian Bonnici, dan l-ispettaklu se jittella’ bis-sehem ta’ grupp ta’ artisti żgħażagħ minn TOI TOI Collective, li huma Sarah Amato, Charlotte Formosa u Bertha Farrugia, flimkien mal-artist mistieden Jeremy Grech, li se jaqsmu u jqassmu l-ferħ ta’ Il-Karnival permezz tad-drama, żfin, projections, logħob u kant.

“B’sodisfazzjon qed nippreżentaw l-ewwel produzzjoni tat-Teatru Manoel li se tiffoka fuq waħda mill-aktar tradizzjonijiet għal qalb il-Maltin: Il-Karnival,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit. “Ser ntellgħu produzzjoni li ser toffri spettaklu ta’ brijju, kuluri u fantasija. Spettaklu b’diversi fatti interessanti u b’sorpriżi lill-udjenza. Bla ebda dubju, spettaklu li jdaħħlek fl-atmosfera
tal-Karnival!”

Għal Il-Karnival fil-Manoel… Kuluri u Fantasija l-udjenzi se jintlaqgħu minn kast stellari fil-Manoel –teatru li proprju kellu sehem importanti fiċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali bil-Ballu tal-Karnival tiegħu.

Matul is-serata, diversi karattri ser jgħinu fir-rakkont tal-ġrajja, fosthom il-famuż Gran Mastru Manoel de Vilhena u Perlinu, il-pupazz popolari li jieħu l-ħajja. Se jkun hemm ukoll kostumi meraviljużi mill-kompetizzjonijiet taż-żfin u tal-kostumi tal-karnival tas-snin riċenti, li se jagħmlu l-esperjenza waħda kompluta u indimentikabbli, kemm għax-xjuħ u kemm għat-tfal.

Il-Karnival fil-Manoel… Kuluri u Fantasija se jittella’ fis-27 ta’ Frar fil-11am u fl-4pm, fit-28 ta’ Frar fit-3pm, u fl-1 ta’ Marzu fil-11am. L-attivitajiet tat-Teatru Manoel huma konformi mal-linji gwida kurrenti kollha b’rabta mal-COVID-19.

Il-membri tal-udjenza meħtieġa jibqgħu bil-maskra. Il-biljetti jinxtraw permezz ta’ email fuq [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com