It-Topo Jeħel Sitt Xhur Ħabs Wara Li Ma Kixifx Il-Kompliċi Fis-Serqa Tal-HSBC
Darren Debono magħruf bħala t-Topo kmieni dalgħodu kien ikkundannat 6 xhur ħabs u multa ta’ €4,600 mill-Maġistrat Victor Axiak wara li nstab ħati li naqas milli jikkoopera meta kien imsejjaħ biex jixhed kontra Vince Muscat il-Koħħu fil-każ tas-serqa armata tal-HSBC tal-2010.
Darren Debono nhar il-Ġimgħa quddiem il-Maġistrat Monica Vella waqt li kien taħt ġurament qal li kien lest jixhed kontra l-Koħħu iżda ma kienx ser isemmi żewġ persuni oħra involuti fil-każ għax qal li ma riedx iqiegħed ħajjet martu u ibnu fil-periklu.
It-Topo bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 10 snin ħabs b’rabta mal-involviment tiegħu fis-serqa u bil-kundizzjoni li jixhed kontra Vince Muscat u jikxef il-kompliċi kollha.
Id-difiża ta’ Darren Debono, l-avukat Edward Gatt se jkun qed jappella mis-sentenza tal-lum.