L-Istati Uniti Tfaħħar Lil Malta Għall-Implimentazzjoni Tar-Rakkomandazzjonijiet Tal-FATF

 L-Istati Uniti Tfaħħar Lil Malta Għall-Implimentazzjoni Tar-Rakkomandazzjonijiet Tal-FATF

L-Assistent Segretarja tal-Istat Amerikana għall-Affarijiet Ewropej u Ewrasjatiċi Karen Donfried apprezzat l-isforzi tal-Gvern Malti dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) u faħħret ukoll l-impenn tal-gvern għal governanza tajba fl-oqsma tad-demokrazija, tal-ġudikatura, tal-finanzi u tal-libertà tal-istampa waqt konverżazzjoni telefonika mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo. Is-Sinjura Donfried esprimiet ukoll l-apprezzament tagħha għall-isforzi ta’ Malta fil-qasam tas-sigurtà marittima biex tiġġieled l-attività kriminali fuq il-baħar. Qalet li hi ħerqana li taħdem ma’ Malta jekk tiġi eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-perjodu 2023-24.

Il-Ministru Bartolo u s-Sinjura Donfried qablu li l-Istati Uniti u Malta jkomplu jaħdmu flimkien kull fejn tkun meħtieġa assistenza teknika biex jissaħħu r-riformi meħtieġa. Kien miftiehem ukoll li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu flimkien għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-ħtieġa li tiġi protetta s-sovranità tal-enerġija tal-pajjiż.

Il-Ministru Bartolo u s-Sinjura Donfried qablu favur soluzzjoni diplomatika għas-sitwazzjoni fuq il-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa. Huma qablu wkoll li kull pajjiż għandu jkollu s-sovranità u s-sigurtà tiegħu mħarsa mingħajr ma jhedded jew inaqqas is-sovranità u s-sigurtà ta’ pajjiż ieħor.

Ritratt (MFEA)

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com