Uffiċjali: Il-Papa Franġisku Se Jżur Malta Fit-2 u 3 Ta’ April
Il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku se jkun qed iżur Malta u Għawdex fit‑2 u 3 ta’ April 2022.
Hekk kif ħabbarna aktar kmieni llum dalgħodu fi tmiem il-pontifikal tal-festa ta’ San Pawl in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico ħabbar din l-aħbar sabiħa b’mod uffiċjali.
Huwa qal li l-Papa laqa’ l‑istedina tal‑President tar‑Repubblika ta’ Malta, tal‑awtoritajiet ċivili u tal‑Knisja Kattolika tal‑pajjiż, u aċċetta li jagħmel dan il-Vjaġġ Appostoliku f’Malta f’dawn il-jumejn.
Il‑Papa se jkun qed iżur il‑Belt Valletta, ir‑Rabat, il‑Furjana u Ħal Far, u l‑gżira ta’ Għawdex.
Il-Papa Franġisku se jkun it-tielet Papa li se jkun qed iżur pajjiżna.
Il‑programm u dettalji oħra tal‑vjaġġ se jitħabbru aktar ’il quddiem.