“Evarist Bartolo Saħħaħ Ir-Relazzjonijiet Bejn Malta U L-Italja” – Luigi Di Maio
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan Luigi di Maio qal li r-relazzjonijiet bejn l-Italja u Malta tjiebu fl-aħħar xhur grazzi għall-isforzi tal-Ministru Evarist Bartolo, filwaqt li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjana Najla Mangoush qalet li fiċ-ċirkostanzi tal-lum għandha bżonn politiċi tal-kalibru ta’ Evarist Bartolo. Il-Ministru Taljan u l-Ministru Libjana qalu dan f’messaġġi lill-Ministru Bartolo lejlet l-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-Sibt.
Il-Ministru Di Maio qal li l-elezzjoni mill-ġdid ta’ Evarist Bartolo fil-Parlament Malti hija importanti ħafna għalih u għall-Italja.
“Evarist, nawguralek ħafna li tarġa’ tiġi elett. Importanti ħafna għalija. Inti ħdimt ħafna biex tejjibt ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja. U għalhekk l-Italja u jien nirrispettawk ħafna. Int kont gwida għalija u nibqa’ grat lejk għal dejjem. Nixtieqlek kull suċċess ħabib,” qal Di Maio lill-Ministru Evarist Bartolo.
Di Maio u Evarist Bartolo kienu partikolarment impenjati fl-aħħar xhur ifittxu soluzzjoni paċifika fil-Libja, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjana Najla Mangoush. Ħafna drabi Di Maio u Evarist Bartolo żaru Tripli fuq l-istess ajruplan militari Taljan.
Il-Ministru Libjana Mangoush irringrazzjat lill-Ministru Bartolo talli wassal il-vuċi tal-poplu Libjan fl-Ewropa u bnadi oħra.
“Għażiż Evarist, nawguralek ħafna fl-elezzjoni li ġejja. Għandna bżonn iżjed nies bħalek fil-politika. Ma rridx nitlef il-ħbiberija tagħna. Int tagħmel differenza f’din id-dinja kiefra,” Mangoush qalet lill-Ministru Bartolo.
Il-Ministru Evarist Bartolo qed jirċievi messaġġi ta’ appoġġ minn Ministri li ħadem magħhom fl-Ewropa, il-Mediterran, l-Afrika u bnadi oħra jawgurawlu li jiġi elett fil-Parlament Malti.