Ftehim Bejn Il-Kunsill Lokali Tal-Belt Valletta U Valletta FC Għall-Proġett Ta’ Parkeġġ Organizzat
Illum ġie mħabbar li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta daħlet f’partnership mal-klabb Valletta FC fejn ser jibdew proġett li ser jara ż-żona ta’ St John’s Ditch tiġi riabilitata u tinbidel f’parkeġġ organizzat. Wara diversi laqgħat mal-Ministru għall-Gvern Lokali Jose Herrera, dan il-proġett li kien ħolma kemm għall-kunsill kif ukoll għall-klabb, jista’ jsir possibbli.
Ġie spjegat li fil-bidu l-parkeġġ ser ikun fuq livell wieħed sakemm tiġi esplorata l-possibbiltà li jsir saff ieħor li jkun jista’ jesgħa aktar karrozzi. Fażi oħra tal-proġett se tkun li jsir escalator li twassal lin-nies mill-parkeġġ għal South Street.
“Dan huwa jum storiku għall-Belt Valletta peress illi ħolma li bdiet disa’ snin ilu ser issir realtà. Din iż-żona kollha ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali tal-Belt mill-Awtorità tal-Artijiet. L-idea ta’ dan il-proġett huwa sabiex il-Kunsill Lokali tal-Belt jkollu aktar awtonomija fiskali u min-naħa l-oħra l-klabb tal-Belt jkollu sors importanti ta’ finanzjament,” sostna l-Ministru Jose Herrera.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit sostna li l-idea ta’ dan il-proġett inħoloq fl-2013 meta l-Ministru Herrera sar Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali.
Huwa rringrazzja lill-Ministru għaliex huwa jemmen li l-kunsilli lokali għandhom ikunu self suffiċjenti.
Kompla li permezz ta’ dan il proġett u l-partnership iż-żona ser tiġi upgraded kif ukoll ser jaħdmu sabiex jagħqdu ċ-ċentru tal-Belt Valletta mal-parkeġġ.
Il-President tal-Valletta FC Alexander Fenech tenna li dan huwa milestone importanti kemm għall-klabb kif ukoll għall-Beltin.
Sostna li permezz ta’ dan il-proġett se jkunu qed isebbħu ż-żona kif ukoll fi snin li ġejjin ser itejbu l-aċċessibbiltà għaċ-ċentru tal-Belt Valletta permezz ta’ escalator, filwaqt li jżidu r-revenue kemm għall-klabb kif ukoll għall-kunsill.