“Il-Miljuni F’Wage Supplement Li Ngħataw Tul Is-Sentejn Ta’ Pandemija Se Jibqgħu Fil-But Tan-Negozji” – Il-PM Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-imsieħba soċjali fl-MCESD, fejn magħhom iddiskuta s-sitwazzjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, qabel bdiet id-diskussjoni, il-Prim Ministru assigura li l-miljuni f’wage supplement li ngħataw tul is-sentejn ta’ pandemija se jibqgħu fil-but tan-negozji.
“L-importanza tad-djalogu soċjali kienet waslitna għal ftehim storiku fl-24 ta’ Marzu 2020, f’mument meta kienet għadha kemm laqtitna l-pandemija; madwar din il-mejda konna lħaqna ftehim fuq diversi temi. Partikolarment, dwar il-wage supplement. Dakinhar, il-ftehim ta’ bejnietna kien wieħed ċar kristall, li l-wage supplement kien għotja u dak il-ftehim kien u se jibqa’ jiġi onorat mill-Gvern. Għaldaqstant, nirribatti b’mod sod dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, li prova jkisser il-ftehim ta’ bejnietna li dan ma kienx għotja imma li huwa ħlas li min iħaddem se jkollu jirrifondi l-Gvern. Dan mhu veru xejn, il-wage supplement huwa għotja u mhu se jkun hemm ebda talba ta’ rifużjoni mill-Gvern.”
Il-Prim Ministru ta wkoll l-assigurazzjoni li f’dan iż-żmien ta’ kunflitt, il-Gvern Malti ukoll se jkompli jipproteġi n-negozji u l-ħaddiema. Għalhekk, sostna l-importanza li l-MCESD jkun aġġornat bl-aħħar żviluppi.
“Nifhem li bħala persuni li tirrappreżentaw tant nies, negozji u ħaddiema, iħassibkom ukoll l-impatt fuq Malta. Qabel dan kollu però, irridu nieħdu u ħadna pożizzjoni ċara. Aħna kontra l-gwerra, tkun fejn tkun madwar id-dinja. Aħna pajjiż li jimmilità favur il-paċi. Għalina, l-aktar valur li jiddefinixxina hi l-ħniena.”
Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li dan il-Gvern se jibqa’ jieħu kull pass meħtieġ biex jiġi mitigat l-impatt fuq Malta.
“L-impatt fuq Malta ta’ dan il-kunfitt hu wieħed indirett fil-forma ta’ prezzijiet ogħla fosthom mill-interconnector tal-elettriku, tal-ikel impurtat u interruzzjonijiet fis-sistemi ta’ trasport. Bħala Gvern diġà ħabbarna għinuna lil bdiewa u raħħala li tlaħħaq il-€4.5 miljun biex jgħin u jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-ġwież. Mhux neskludu li nagħtu aktar għajnuna lil dan is-settur f’każ ta’ bżonn, filfatt għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u Ministeru tal-Agrikoltura biex ngħinu lill-importarturi f’dan is-settur jiżguraw provvista ta’ qamħ għal sitt xhur.”
Hawn, il-Prim Ministru kellu messaġġ ċar ħafna li pajjiżna se jibqa’ jassisti ukoll mil-lat umanitarju b’referenza għad-diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea biex Malta tilqa’ għadd ta’ pazjenti għall-kura. Huwa rringrazzja lill-imsieħba soċjali li ukoll taw għinuniet f’forma ta’ prodotti li jinsabu fi triqthom lejn l-Ukrajna.
Dwar l-impatt fuq setturi oħra fosthom it-trasport, is-sigurtà u d-difiża, is-settur tal-avjazzjoni u dak turistiku, il-Prim Ministru spjega s-sitwazzjoni preżenti u li l-Gvern qed isegwi l-aħħar żviluppi biex ikomplu jittieħdu d-deċiżjonijiet neċċessarji.
L-introduzzjoni tal-Prim Ministru kienet segwita b’sessjoni ta’ diskussjoni bl-imsieħba soċjali jagħmlu l-interventi tagħhom u l-Prim Ministru jwieġeb għad-domandi mqajma.