“Il-Pajjiż Irid Jagħti Importanza Lis-Saħħa Mentali Daqs Kemm Jagħti Lis-Saħħa Fiżika” – Dr Lydia Abela

 “Il-Pajjiż Irid Jagħti Importanza Lis-Saħħa Mentali Daqs Kemm Jagħti Lis-Saħħa Fiżika” – Dr Lydia Abela

“Inkunu qed niżbaljaw jekk naħsbu li t-tema tal-kwalità tal-ħajja tolqot biss lil xi faxxa waħda tas-soċjetà, jekk naħsbu li suġġetti dwar ħajja attiva u sana jinteressaw biss liż-żgħażagħ u lil dawk li għadhom żgħar. Dan huwa suġġett li jolqot lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. Huwa proprju għal din ir-raġuni li t-titjib fil-kwalità tal-ħajja qed jingħata l-importanza li jistħoqqlu f’kull waħda mill-elf proposta li qed jippreżenta l-Partit Laburista”.

Hekk qalet mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela waqt il-konferenza, “Poplu b’saħħtu, Pajjiż b’saħħtu”, bis-sehem tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, u l-eks Deputat Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Mario Galea bid-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef, u l-eks kandidata tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight. Fost oħrajn jieħdu sehem f’panel ta’ diskussjoni. Il-konferenza ttellgħet mill-Partit Laburista ma’ Dr Lydia Abela.

Dr Abela qalet li fl-aħħar snin iddaħħlu ħafna miżuri biex il-poplu Malti u Għawdxi jtejjeb l-standard of living tiegħu, iżda issa qed nitkellmu wkoll fuq il-welfare u l-wellbeing tan-nies. Il-manifest elettorali li preżenta l-Partit Laburista jipprovdi pjan ċar kif ser tittejjeb il-kwalità tal-ħajja, pjan li jassigura li l-ħidma li ssir f’settur wieħed timxi id f’id mar-riżultati li jinkisbu f’setturi oħra. Għalhekk rabta bejn il-proposti kollha, filwaqt li fis-saħħa l-Partit Laburista qed jagħmel shift lejn kura preventiva u fuq pajjiż li joffri stil ta’ ħajja li jippreveni l-mard. Għalhekk stil ta’ ħajja attiva minn età żgħira.

Dr Abela qalet li l-Garanzija tat-Tfal li qed iwiegħed il-Partit Laburista taspira li kull tifel u tifla f’Malta jkunu involuti fl-isports, l-arti u l-kultura. Spjegat ukoll li l-Partit Laburista se jaħdem biex jerġa’ jintroduċi l-iskema tal-ħaxix u l-frott fl-iskejjel, li tkun estiża għall-iskejjel sekondarji.

Partit Laburista li qed jaħseb fil-kbar ukoll, għaliex se jitkompla l-investiment fil-faċilitajiet sportivi ta’ kull dixxiplina madwar il-pajjiż u jgħin b’sostenn billi jerġa’ jnaqqas ir-rata tal-VAT fuq attivitajiet sportivi għall-anqas waħda permessibbli.

Dr Abela qalet li dan kollu jwassal għal suġġett importanti: is-saħħa mentali. Il-punt ta’ tluq huwa li nkissru kwalunkwe taboo assoċjat mal-isfidi li jgħaddi minnhom kulħadd.

“Hawnhekk ukoll għandna proposti ċari ta’ fejn se mmorru: li dan il-pajjiż jagħti importanza lis-saħħa mentali daqs kemm jagħti lis-saħħa fiżika. Għalhekk il-Partit Laburista se jistinka biex jidentifika, kmieni kemm jista’ jkun, sfidi fiżiċi, intellettwali, soċjali u edukattivi, imġieba partikolari jew diżabilità, fost it-tfal biex ikun assigurat li ħadd ma jaqa’ lura. Fejn hemm bżonn jintervjeni l-istat, ser issibu lilna warajkom sabiex nagħmlu dak li hemm bżonn”, saħqet Dr. Abela.

L-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li fl-ittra tar-riżenja tiegħu kien għamilha ċara li se jibqa’ jaħdem fuq is-saħħa mentali u d-drittijiet tal-annimali. Huwa qal li mindu rtira formalment mill-politika, din kienet l-ewwel stedina fuq saħħa mentali u mill-ewwel aċċetta. “Jien dejjem kont kontra li s-saħħa mentali tkun politiċizzata – imma jfisser li nħallu barra ċertu botti. Huma l-politiċi li jridu jagħmlu d-differenza lill-eluf ta’ nies li għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali”, qal Galea. Huwa kompla li s-saħħa mentali hija stigma li għadha tgeżwer lil eluf li jibqgħu siekta. Kompla jispjega li meta nies fil-ħajja pubblika jitkellmu fuq is-saħħa mentali jkunu qed jgħinu biex tonqos l-istigma. Qal li għad hawn skiet li jtarrax fuq is-saħħa mentali.

Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne fetaħ il-konferenza billi qal li s-saħħa hija l-iżjed ħaġa għażiża tagħna, u għandna nieħdu ħsiebha u ngħożżuha. Il-politika tal-Partit Laburista hija marbuta ma’ kif nieħdu ħsieb saħħitna, inkluż is-saħħa mentali. Huwa qal li l-manifest tal-Partit Laburista huwa mimli bi proposti marbutin mas-saħħa f’kull settur, minn proposti dwar l-ambjent u l-isport, u wkoll is-saħħa u s-saħħa mentali nfushom.

Id-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef tkellem fil-panel tad-diskussjoni u qal li fl-aħħar snin saret qabża kbira fejn tidħol saħħa mentali, imma baqa’ ħafna xi jsir, speċjalment fuq stigma soċjali. Tkellem ukoll dwar l-opportunitajiet li qed iressaq ‘l quddiem il-Partit Laburista permezz tal-proposti fil-manifest elettorali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com