Il-PM Robert Abela Jwiegħed Twessigħ Fl-Eliġibilità Għall-Benefiċċju Tal-Enerġija

 Il-PM Robert Abela Jwiegħed Twessigħ Fl-Eliġibilità Għall-Benefiċċju Tal-Enerġija

“Il-politika tagħna hi mnebbħa mill-bżonn li ntejbu l-ħajja tan-nies. B’dak li ħabbarna sa issa, diġà tafu li fil-ħames snin li ġejjin il-pensjonijiet se nżiduhom iktar minn kemm żidnihom fl-aħħar snin għax għalina l-pensjonanti jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Ta’ dak li għamiltu għal pajjiżna jistħoqqilkom kull appoġġ u fis-sejħa Malta Flimkien intom għandkom sehem kbir u importanti x’tilagħbu.”

Dan qalu il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività f’Ħaż-Żabbar b’rabta mal-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien.

Waqt id-diskors tiegħu, l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-pensjonijiet se jiżdiedu bi €15 fil-ġimgħa. Dan flimkien maż-żieda tal-għoli tal-ħajja u l-mekkaniżmu ġdid li rridu noħolqu kif ukoll mal-mediċini b’xejn għall-anzjani u lir-romol pensjoni sħiħa.

Ma dawn il-miżuri, l-Prim Ministru ħabbar ukoll li Gvern Laburista se jkun qed iwessgħa l-eliġibilita’ għall-benefiċċju tal-enerġija li jfisser li eluf ta’ pensjonanti se jibdew jikkwalifikaw minn dan, liema miżura se tħalli aktar dħul fil-but. Fl-istess ħin se jkun qed jgħolli l-limitu biex wieħed ikun eleġibbli għalih b’mill-anqas €2,500 fis-sena għal koppji bi dħul baxx. Dan filwaqt ukoll li se jkun hemm roħs fil-kont tal-enerġija, roħs fl-ispiża fuq il-metres u rebate fuq il-gass.

Dan mhux biss, il-Prim Ministru elenka li għal dawk l-anzjani minn 75 sena ‘l fuq u għadhom jgħixu fi djarhom, l-għotja li diġà jingħataw se tiżdied b’€200 fis-sena u dawk il-persuni li jinsabu fuq is-supplimentari se jieħdu wkoll internet b’xejn. B’hekk se jiffrankaw sa €300. Dan ifisser li bejn pensjoni, energy benefit, għotja u internet b’xejn, Gvern Laburista se jħalli €1,600 fis-sena fil-bwiet.

Huwa sostna “li dawn huma l-proposti tagħna għal pensjonanti. Għalhekk magħna tafu fejn qegħdin. Magħna se tmorru għall-aħjar. Ma’ Bernard Grech mingħajr ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa iżda magħna tieħdu r-rifużjoni u tgawdu wkoll mit-twessiegħa fit-tax bands.”

Il-Prim Ministru qal li għall-futur Gvern Laburista qed iwessgħa t-tax bands b’mod li jgawdu l-ħaddiema kollha. Minn €90 miljun fis-sena li qed ninvestu fin-nies minnhom hemm €24 miljun li huma f’rifużjoni tat-taxxa, li l-Partit Nazzjonalista irrid iċaħħad lin-nies minnhom.

Huwa tenna li “aktar minn nofs dawk li llum iħallsu taxxa jispiċċaw iħallsu aktar taxxa milli jħallsu llum. Bil-proposti tal-Partit Nazzjonalista titlef dak li qed tieħu għax dak li jitilfu biċ-ċekk ta’ rifużjoni ma jirkuprawx bil-kreditu ta’ taxxa li qed iwegħdu u lin-nofs l-ieħor se jagħtihom medja ta’ €100 roħs fit-taxxa, fejn taħt Gvern Laburista jieħdu €300.”

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu il-Prim Ministru temm jgħid li “dan partit li jrid jieħu ħsieb kull rokna ta’ dan il-pajjiż minn Għawdex sa Wied il-Għajn, it-tliet ibliet għax hekk tfisser Malta Flimkien. Malta fejn imkien u ħadd ma jaqa’ lura. Malta bi prosperita’ ġdida, li tieħu ħsieb it-tfal, iż-żgħażagħ u il-pensjonanti kollha.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com