Imniedi ‘Sliem U Saħħa’, Ktieb Ġdid Ta’ Evarist Bartolo

 Imniedi ‘Sliem U Saħħa’, Ktieb Ġdid Ta’ Evarist Bartolo

Ġie mniedi l-ktieb ġdid ‘Sliem u Saħħa’, ġabra ta’ riflessjonijiet li ta’ kull filgħodu kiteb fuq facebook għal ħames snin sħaħ il-Ministru Evarist Bartolo. It-tnedija saret permezz ta’ diskussjoni u interventi mill-Professur Charles Mifsud, Conrad Borg Manché, l-ex Ministru u ex Kummissarju Ewropew il-Perit Karmenu Vella u Elena Borg. Matul is-serata nqraw siltiet dwar temi differenti soċjali, politiċi mill-ktieb ta’ Bartolo mill-awtriċi Clare Agius li mexxiet is-serata.

Clare Agius qrat ukoll silta mid-daħla tal-ktieb miktuba mill-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici, fejn fost kollox jistqarr li ‘Il-poplu għandu d-dritt li jkun jaf x’jaħseb min jippreżenta ruħu biex jirrappreżentah.

Il-qrar politiku fih siwi kbir, u mhux biss, jew l-iktar, għall-istorja politika. Il-qrar pubbliku jixhed l-umanità tal-persuna li tikkonfessa.’

Karmenu Vella qal li kull filgħodu jibda l-ġurnata bil-messaġġi ta’ Evarist Bartolo. ‘Fil-kitbiet tiegħu jispikkaw il-valuri ta’ bniedem umli, għani fil-ħsibijiet tiegħu, moħħu biex jgħaqqad. Lil Varist dejjem nafu progressiv. dejjem irid il-bidla, dik li jsejħilha l-pass il-ġdid. Nammirah għax ma jiddejjaqx jgħid dak li jemmen fih bil mod kalm u persistenti tiegħu. Fejn hemm bżonn ta tbeżbiża jagħtiha, jagħti pariri siewja u joħroġ b’soluzzjonijiet.’

Conrad Borg Manché qal li ilu jsegwi lil Evarist Bartolo minn tfulitu u dejjem qiesu bħala role model għalih u għal politiċi oħra. ‘Varist dejjem poġġa t-twemmin soċjali u politiku tiegħu qabel l-interess personali tiegħu. Min vera jivvota b’moħħu sabiħ li jaqra l-ħsibijiet ta’ Evarist Bartolo’ qal Borg Manché li żvela kif f’wieħed mill-aktar mumenti diffiċli tal-ħidma politika tiegħu fuq bażi lokali kien Evarist Bartolo, wieħed mill-ftit li tah l-appoġġ sħiħ tiegħu. ‘Ta’ dan nibqa’ nafulu,’ qal Borg Manché.

Elena Borg, terapista u taħdem ħafna mat-tfal qalet li r-riflessjonijiet u ħsibijiet ta’ Evarist Bartolo juru l-umanità tiegħu. ‘Lil Varist inqisu bħala missier il-politika li dejjem iggwidana fit-triq it-tajba, umanità bi ħsibijiet profondi li jagħtu vuċi lill-vulnerabbli, lil dawk li m’għandhomx vuċi.’

Prof Charles Mifsud qal li jara tixbiħ bejn il-mentalità ta’ Thomas More, il-bniedem ta’ prinċipju li għex fis-seklu 16 u waqaf lir-Re Neriku 8 tal-Ingilterra, mal-mentalità ta’ Evarist Bartolo. Prof Mifsud iddeskriva lil Evarist Bartolo bħala l-ħassieb b’kuxjenza iffurmata, impenjat fis-soċjetà lest biex iservi fil-politika bl-aspirazzjonijiet tiegħu favur il-ħaqq soċjali.

Fi tmiem is-serata, il-Ministru Bartolo tkellem mhux biss dwar il-pubblikazzjoni iżda dwar l-isfidi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom kuljum fi rwol tiegħu ta’ Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna u l-inkwiet fil-Libja.

Tistgħu ssegwu s-serata tat-tnedija fuq din il-link: https://www.facebook.com/evarist.bartolo/videos/657269572052153

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com