Jitħabbar Il-Proġett ‘Tas-Siċċa’ B’Investiment Ta’ €40 Miljun Flok L-Impjant Ta’ San Luċjan
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret proġett ta’ €40 miljun biex l-impjant ta’ San Luċjan, li kien jintuża għall-ħażna taż-żejt, jiġi riġenerat f’żona f’faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji kollha u attrazzjoni ta’ investiment f’niċeċ ġodda.
Is-Siċċa, kif se jkun magħruf dan il-proġett, se joffri aktar minn 18,000 metru kwadru ta’ rikreazzjoni biex inkomplu nagħtu nifs ġdid lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, b’mod speċjali l-Qajjenza, Birżebbuġa u Marsaxlokk.
Il-proġett tas-Siċċa se jkun qed iservi wkoll bħala hub uniku fiċ-ċentru tal-Mediterran għal riċerka u innovazzjoni għal industriji ġodda bħal dawk tal-akwakultura, l-ekonomija l-blu u l-ekonomija ċirkolari.
Il-proġett ġie ddisinjat mill-kumpanija tal-perizja b’fama internazzjonali, Pininfarina, b’disinn innovattiv li mhux biss jikkumplimenta l-ambjent naturali tal-madwar imma juża miżuri naturali għal kundizzjoni ta’ klima aħjar fil-binja. Fil-fatt, il-proġett se jagħmel użu minn teknoloġija innovattiva sabiex tintlaħaq il-mira sa’ massimu ta’ 70% tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u sistemi ta’ enerġija effiċjenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Miriam Dalli u minn Giovanni de Niederhausern, Senior Vice President fit-taqsima ‘Architecture’ fi ħdan Pininfarina, ġie spjegat li l-proġett tas-Siċċa se jagħmel minn Birżebbuġa post ta’ attrazzjoni anke għat-turisti u għall-viżitaturi.
“Is-Siċċa huwa proġett li mhux biss se jneħħi sit ta’ industrija li tniġġes min-nofsinhar ta’ Malta, iżda huwa proġett innovattiv li se jkun qed jilħaq il-miri tas-sostenibbiltà: proġett li se jkun qed jiġġenera attività ekonomika ta’ kwalità, b’impatt pożittiv fuq l-ambjent imma fuq kollox għas-soċjetà tal-madwar,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, Giovanni de Niederhausern qal li, “Is-Siċċa huwa ispirat mill-irdumijiet prominenti li jħarsu lejn it-Torri ta’ San Luċjan; id-disinn huwa intiż biex jgħaqqad iż-żewġ elementi, l-ilma u l-art, u jiġġenera rabta bla preċedent bejn in-natura u l-arkitettura. Is-Siċċa se jinkludi diversi użi bħal spazji kummerċjali u rikreattivi differenti għall-komunità lokali kif ukoll żoni għal skopijiet edukattivi, ta’ riċerka u innovazzjoni, li jservu bħala spazju ta’ inkubazzjoni għall-industriji eko u blu.”
Mill-aspett ekonomiku, is-Siċċa se joffri spazji għal startups b’diversi servizzi u b’riżorsi għall-impredinturi fil-qasam tas-sostenibbiltà u l-innovazzjoni, incubation centres għall-industrija l-ħadra u spazji allokati għal faċilitajiet edukattivi. L-ispazju allokat għall-industrija u għall-manifattura f’dan is-sit se jkun ta’ 7%.
Min-naħa l-oħra, l-ispazju allokat għal użu rikreattiv u spazji pubbliċi huwa ta’ aktar minn 50%.
“L-enfasi ewlenija f’dan il-proġett hija li noffru kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti. Se nkunu qed nagħtu lura din il-bajja filwaqt li noħolqu spazji miftuħa għal attivitajiet kulturali u soċjali biex intejbu s-saħħa mentali u l-kwalità tal-ħajja,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Dalli spjegat li f’Marzu tas-sena 2021, ingħata bidu għall-proċess amministrattiv u regolatorju mal-awtoritajiet kompetenti biex is-sit ma jibqax jintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil. B’riżultat ta’ dan, is-sit m’għadux jaqa’ taħt id-direttiva ta’ Seveso u għalhekk m’għadux meqjus bħala faċilità perikoluża. Fl-istess ħin, kien hemm diskussjonijiet mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, dwar method statement, biex b’hekk hemm qbil ta’ kif se jkunu qed jiżżarmaw it-tankijiet sabiex l-art tiġi ppreparata għal dan il-proġett.
Fil-pass li jmiss, se jingħata bidu għall-proċess ta’ applikazzjoni għall-permessi neċessarji. Dan ifisser li se jkun hemm ukoll proċess ta’ konsultazzjoni mal-ERA, fost stakeholders oħra.
“Irridu li dan il-proġett ikun eżempju ċar ta’ kif żvilupp sostenibbli għandu jsir. Irridu li s-Siċċa jkun katalista, li bl-eżempju tiegħu jixpruna aktar żvilupp sostenibbli ta’ dan it-tip,” qalet il-Ministru Dalli.
Ritratt: DOI