Kunċert Mill-Banda Pinto Bi Ħsieb Umanitarju Fl-Istess Waqt
Nhar il-Ħadd 3 ta’ April 2022, fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Parroċċa San Sebastjan f’Hal Qormi, ser jittella’ kunċert ta’ marċi funebri mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, li din is-sena qed tfakkar il-160 anniversarju mit-twaqqif tagħha.
F’dan il-kunċert li ser jibda fis-7:30pm, ser jindaqqu fost l-isbaħ marċi funebri tal-ex-Surmast direttur tas-Soċjetà Mro Carmelo Scicluna. Wieħed minn dawn il-kompożizzjonijiet hu propju l-Innu Funebri ‘Popule Meus’ li nkiteb 85 sena ilu. Il-Banda tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Dominic Darmanin. Mal-Banda jingħaqad ukoll il-Kor ta’ tfal ta’ Romina Vella. Waqt l-istess kunċert ser jintlaqgħu ukoll għotjiet ta’ flus u oġġetti essenzjali bħal ħwejjeġ jew ikel, bħala għajnuna finanzjarja lill-missjoni umanitarja fl-Ukrajna u fil-każ tal-oġġetti essenzjali, sabiex dawn itaffu mid-diffikultajiet ta’ refuġjati Ukreni f’Malta.
Dan qed isir b’kordinament mal-Ordni ta’ San Lażżru li minn Malta qed tikkordina li tintbagħat għajnuna umanitarja fl-Ukraina. B’hekk il-kunċert ser jkun okkażżjoni li fiha jinġabru fondi, li wara jintbagħtu immedjatament biex fi ftit siegħat jintużaw f’din l-missjoni umanitarja. Dan filwaqt li qabel u fil-ħin tal-kunċert, miċ-Ċentru Parrokkjali ser jkunu qed jinġabru wkoll għotjiet ta’ oġġetti essenzjali bħal ħwejjeġ, ikel priservat u affarijiet ta’ iġene personali, biex dawn jingħataw lil refuġjati Ukreni f’Malta.