“L-Għajnuna Mogħtija Mill-Gvern Lill-Bdiewa U R-Raħħala Fl-Aħħar Minuta Hija Ferm Inqas Mill-Għajnuna Mistennija” – Il-PN
“Meta wieħed jikkunsidra t-tbatija li diġà għaddew minnha r-raħħala matul dawn l-aħħar xhur, fejn il-prezz tal-ġwież, mgħalef, mediċini, u kull oġġett ieħor li jinxtara mir-raħħala u bdiewa baqa’ dejjem jogħla, bla dubju ta’ xejn filwaqt li din l-għajnuna dejjem hija aħjar minn xejn, żgur li mhijiex l-għajnuna li kienet mistennija.”
Dan qalu l-Kelliem tal-PN għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar, Edwin Vassallo b’reazzjoni għal dak li ħabbar il-Gvern ilbieraħ, fejn qal li se jkun qed jalloka €4.5 miljun f’għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u lir-raħħala.
Edwin Vassallo f’istqarrija qal li meta wieħed jara kif dawn ser ikunu maqsuma: €1.5 miljun għall-bdiewa, €2.5 miljun għar-raħħala u €446.000 għajnuna għal tal-majjal jasal għall-konklużjoni li din l-għajnuna kapaċi biss tagħmel tajjeb għat-tbatija li diġà għaddew minnha, u żgur li mhix biżżejjed biex ir-raħħala tal-majjal, tal-baqar, tat-tiġieġ u tan-nagħaġ, u ġnien ikunu jistgħu jiġu megħjuna b’mod realistiku fiċ-ċirkustanzi iebsa tal-lum.
Huwa saħaq li għall-PN din l-għajnuna li waslet tard, mhix biżżejjed biex tgħin.
“Bħalissa għall-PN huwa importanti li r-raħħala u l-bdiewa jkunu megħjuna b’mod realistiku biex naċċertaw is-sigurtà tal-provvista tal-ikel, f’dan il-waqt fejn xogħol il-bidwi u r-raħħal għandu jitqies indispensabbli,” tenna Vassallo.
Fl-istess waqt, il-PN ħeġġeġ lill-Gvern sabiex bla telf ta’ żmien joħroġ pakkett ieħor ta’ għajnuna biex isalvaw ir-raħħala tal-majjal u jkun deċiż x’għajnuna għandha tingħata wkoll lis-sajjieda.
Il-PN temm jgħid li din l-għajnuna hija biss deċiżjoni ddisparata waqt kampanja elettorali li tikxef l-irresponsabbilità tal-Gvern u nuqqas ta’ pjan li għandu sabiex b’mod realistiku jħares is-sigurtà tal-provvista tal-ikel għall-poplu tagħna f’ċirkustanzi li fi ftit ġranet jistgħu joħolqu skarsezza ta’ ikel għall-poplu Malti u Għawdxi. “Is-serjetà titlob aħjar!”