Żagħżugħ Ta’ 28 Sena Jitlef Ħajtu Traġikament F’Ħabta Bejn Żewġ Muturi Fil-Gżira
Żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħal Luqa tilef ħajtu traġikament f’ħabta bejn żewġ muturi fil-Gżira. Il-vittma ġie identifikat bħala Andrea Alamango.
L-aċċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-11pm, fi Triq Mikiel Anton Vassalli, direzzjoni lejn il-Marsa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ muturi, it-tnejn tat-tip Suzuki GSXR600. Mutur minnhom kien qed jinstaq mill-vittma, filwaqt li l-mutur l-ieħor kien qed jinstaq minn raġel ta’ 28 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Mal-impatt iż-żewġ sewwieqa spiċċaw waqgħu minn fuqhom, b’mutur minnhom baqa’ jitkaxkar għal diversi metri.
Fuq il-post issejaħ tim mediku sabiex jassisti, u ambulanzi ħadu lill-irġiel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Sfortunatament, ir-raġel residenti Ħal Luqa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara, filwaqt li r-raġel l-ieħor ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema għadhom għaddejjin.