Aġġornat: Jinstab Katavru Ta’ Raġel F’Bagoll Ta’ Karozza F’Ħal Qormi
Raġel, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, sfortunatament instab mejjet f’bagoll ta’ karozza li kienet ipparkjata fil-Wied ta’ Ħal Qormi.
Illum, għall-ħabta tal-10:30am, Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm riħa stramba ħierġa minn karozza Peugeot 407.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post, instabet il-vettura u fil-bagoll instab il-katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.
Jidher li l-vettura hija l-istess waħda li x’aktarx kien qed juża’ Mario Farrugia, ir-raġel li kien irrapportat nieqes fit-2 ta’ April, 2022.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella ġiet infurmata u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Iskwadri tar-Reati Maġġuri u ta’ Kontra l-Vizzji, flimkien mad-Distretti ta’ Ħal Qormi u ta’ San Ġiljan, għadhom għaddejjin.
Awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa aktar dawl fuq il-każ li bħallissa qed jiġi trattat bħala omiċidiju.
Aktar Kmieni:
Il-Pulizija Qed Tinvestiga Sejba Ta’ Katavru F’Karozza F’Ħal Qormi