Alicia Bugeja Said U Rebecca Buttigieg Jieħdu L-Ġurament Bħala Segretarji Parlamentari
Dalgħodu, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-President George Vella ppreseda ċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ żewġ membri ġodda fil-Kabinett.
Alicia Bugeja Said ħadet il-ġurament bħala Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, u Rebecca Buttigieg ħadet il-ġurament bħala Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.
F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali l-Prim Ministru awgura lil Rebecca Buttigieg u Alicia Bugeja Said li ħadu l-ġurament bħala Segretarji Parlamentari.
Huwa qal li fl-oqsma tal-ugwaljanza u r-riformi jeħtieġ li jsiru iktar bidliet biex ikollna soċjetà iktar ġusta.
Fis-setturi tas-sajd u l-akwakultura, il-Prim Ministru Abela qal li pajjiżna jrid mhux biss iħares l-interess tas-sajjieda u s-settur, iżda jesplora wkoll possibiltajiet ġodda għax hemm ħafna opportunitajiet. “Fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali għandna wkoll numru ta’ proposti importanti x’nimplimentaw,” temm jgħid Robert Abela.