Franza Wara L-Elezzjonijiet Presidenzjali U L-Kunflitt Fl-Ukrajna – Clint Flores

 Franza Wara L-Elezzjonijiet Presidenzjali U L-Kunflitt Fl-Ukrajna – Clint Flores

Wara r-rebħa Presidenzjali ta’ Emmanuel Macron fuq ir-rivali tiegħu Marie Le Pen, irridu naraw kif Franza se tkun qed tippożizzjona lilha nnifisha fejn jidħol il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Mill-esperjenza tiegħi fi Brussell, nemmen li issa li għaddew l-elezzjonjiet presidenzjali, Franza se tkun qiegħdha tieħu rwol aktar attiv. Nittama, li l-irwol li se tkun qiegħdha tieħu Franza ikun wieħed ta’ diplomazija, aktar milli wieħed li jimbuttaw sabiex ifornu aktar militar lill-Ukrajna, speċjalment armi letali.

Biex niftehmu aħjar, l-Unjoni Ewropea għandha għad-dispożizzjoni tagħha strument li tista’ tużah għall-faċilitajiet militari. Il-baġit tal-Unjoni Ewropea ma jippermettix l-iffinanzjar ta’ armi letali u militari. Għalhekk fl-2018 kienu ħarġu bi proposta, li l-pajjiżi iħallsu għal dan l-istrument sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw affarijiet militari u armi letali. Għalhekk il-pajjiżi membri apparti li qegħdin iħallsu għall-obbligi tagħhom taħt it-trattat għall-baġit, qegħdin iħallsu ukoll għal dan, separatament mill-ispiża obbligatorja.

Dan l-instrument jissejjaħ ‘European Peace Facility’  u minn dan il-fond, ta’ madar ħames biljun ewro,  l-Unjoni Ewropea għandha l-abblitajiet sabiex tħarreġ forzi tal-ordni militari. Sabiex niftehmu jekk eżempju fl-Afrika, fir-reġjun tas-Sahel ikun hemm waqa ta’ gvern b’kolp ta’ stat minn militanti, b’ċertu missjonijiet speċjali l-Unjoni Ewropea tista’ tħarreġ il-forzi tal-istat sabiex iġġib lura l-istabbilita’. L-istess qed jiġri bħalissa fl-Ukrajna bid-differenza li l-kunflitt huwa mar-Russja u mhux wieħed intern bejn il-forzi tal-ordni u militanti.

Aħna, bħala pajjiż ma nħallsux għall-armi letali, u konna għamilnieha ċara meta kont jien fil-kumitat li aħna nħallsu biss għal dawk li m’humiex armi letali. B’hekk meta jkun hemm proposta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, aħna bħala Malta nistgħu nastjenu b’mod kostruttiv u għalhekk ma nħallsux għall-armi u nħallsu għal affarijiet oħra li m’għandhomx x’jaqsmu.

Kont żammejt iebes fil-kumitat tagħna u kont tajthom direzzjoni ta’ x’jistgħu jagħmlu peress li kelli esperejnza vasta ta’ kif jaħdem il-baġit tal-Unjoni Ewropea, fejn għall-żmien servejt ukoll bħala l-President tal-istess Kumitat tal-Baġit tal-Unjoni Ewropea.

Nistennew u naraw!

Dan l-artiklu huwa miktub minn Clint Flores: Ekonomista, għix u ħadem fi Brussell għal aktar minn 8 snin u fejn ħadem mal-Istituzzjonijiet Ewropej kollha. Għal perjodu, kien ukoll il-President tal-Budget tal-Unjoni Ewropea, u wara, ir-Rappreżentant Malti għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-Politika u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com