Il-MPE Laburista Alex Agius Saliba Magħżul Biex Jifforma Parti Mill-Kumitat Għall-Industrija, Ir-Riċerka U L-Enerġija

 Il-MPE Laburista Alex Agius Saliba Magħżul Biex Jifforma Parti Mill-Kumitat Għall-Industrija, Ir-Riċerka U L-Enerġija

Matul is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-MPE Laburista u l-Viċi President tal-Grupp tas-Soċajlisti u d-Demokratiċi Alex Agius Saliba ngħata Kumitat addizzjonali u se jkun qed jifforma parti mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

Bħala Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Alex Agius Saliba huwa inkarigat mill-innovazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali, u Ewropa diġitali b’saħħitha għal kulħadd, fi ħdan il-Bureau tal-Grupp.

Agius Saliba jifforma wkoll parti mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u huwa Viċi President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet.

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija għandu l-kompitu li jkollu setgħat leġiżlattivi ewlenin dwar uħud mill-oqsma ta’ politika l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea peress li huwa responsabbli għall-politika industrijali, il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-politika spazjali, il-politika dwar l-enerġija u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.

“Dan il-Kumitat għandu impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini u n-negozji. Bl-inċertezzi u l-isfidi attwali, wara l-pandemija tal-COVID u bil-gwerra kurrenti fl-Ukrajna, irridu nużaw dawn is-setgħat biex inġibu strateġija ta’ politika industrijali ġenwina u ħafna aktar ambizzjuża ffukata fuq il-protezzjoni ta’ setturi ekonomiċi strateġiċi li huma essenzjali għall-ħarsien tal-istil ta’ ħajja tagħna u l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna,” qal il-MPE Agius Saliba.

Huwa żied jgħid: “Aktar minn qatt qabel bil-gwerra attwali dwar l-enerġija, jeħtieġ li niżguraw it-tranżizzjoni tas-sistemi tal-enerġija tagħna u jeħtieġ li neliminaw id-dipendenza tagħna fuq il-gass, iż-żejt u l-faħam li ġej mir-Russja, billi niddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tagħna, filwaqt li niżguraw ukoll li ħadd ma jitħalla lura u li jkollna biżżejjed ħżin tal-gass madwar l-Unjoni Ewropea.”

Il-Kumitat ITRE qed jistabbilixxi wkoll Grupp ta’ Kuntatt biex jiddiskuti l-iżviluppi, l-inizjattivi ta’ politika, ir-riperkussjonijiet u l-previżjoni fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna fl-oqsma ta’ politika koperti mill-Kumitat, bħall-enerġija, ir-riċerka, l-industrija, l-ispazju u ċ-ċibersigurtà.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com