Ir-Russja Twaqqaf Id-Distribuzzjoni Ta’ Gass Naturali Lill-Polonja U L-Bulgarija – Clint Flores

 Ir-Russja Twaqqaf Id-Distribuzzjoni Ta’ Gass Naturali Lill-Polonja U L-Bulgarija – Clint Flores

Jidher li mil-lum, ir-Russja iddeċidiet li twaqqaf id-distribuzzjoni ta’ gass naturali lill-Polonja u l-Bulgarija. Gazprom li hija entità tal-istat Russa tal-gass, infurmat liż-żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li mhux se tbiegħilhom aktar gass u se tissospendi id-distribuzzjoni. Xi ħmistax ilu r-Russja ħarġet lista ta’ pajjiżi li mmarkathom bħala mhux ħbieb (unfriendly) u talbet sabiex dawk li jixtiequ jixtru mingħandha iridu iħallsu bid-denominazzjoni tal-munita Russa jiġifieri ir-rublu.

Kif ili ngħid ħafna l-Ewropa hija u għadha dipendenti fuq ir-Russja fejn jidħol id-distribuzzjoni tal-gass naturali. Ma tqumx filgħodu u ssolvi l-problema u tgħid li mhux se tibqa’ timporta mir-Russja. Ċertu kuntratti ikunu saru bħalissa u anke qabel, għal xiri ta’ gass naturali, speċjalment ħażniet li jagħmlu tajjeb għax-xtiwi Ewropej.

Il-mexxejja Ewropej diġà qalu li mhux se jkun qegħdin iħallsu bil-munita Russa ir-rublu, għaliex il-ftehim tal-kuntratti tagħhom mal-kumpanija Gazprom ma sarux bid-denominazzjoni tal-munita rublu imma bid-dollaru Amerikan jew il-munita Ewro.

Il-Bulgarija qiegħdha tirraġuna li hemm riskju jekk tħallas bil-munita rublu għaliex tista’ tibgħat flus li ma jkunux jistgħu jinġabru qatt jekk il-gass ma jiġix fornut lilha. II-Bulgarija qiegħdha preżentament tara minn fejn se tkun qiegħdha tixtri il-gass, li l-alternattiva l-oħra tagħhom hija mid-distribuzzjoni ta’ TurkStream pipeline. Il-Bulgarija timporta 90% tal-gass tagħha mir-Russja.

Fuq in-naħa l-oħra l-Polonja timporta l-gass tagħha minn pipeline Yamal-Europe u anke huma rċevew notifikazzjoni li l-forniment ta’ gass se jieqaf mil-lum l-Erbgħa. Jidher, li se jkun hemm logħba ġeo-politika fejn issa daħal ukoll il-kummerċ tal-gass naturali għall-enerġija.

Ħafna jistaqsu imma għala l-Polonja u l-Bulgarija. Dawn iż-żewġ pajjiżi huma missieħba fin-NATO u għandhom rwol attiv ħafna u jonfqu ħafna fejn tidħol difiża bħala NATO.

Meta żar l-Ewropa, speċifikament Brussell, ix-xahar li għadda il-President Amerikan Joe Biden baqa’ wara sejjer il-Polonja, u hemmek wassal messaġġ politiku b’saħħtu lir-Russja. Ma jonqosx ngħid li l-Polonja qiegħdha sservi ta’ żona loġistika għall-armamenti u materji oħra li qegħdin jgħaddu lill-ġar tagħha l-Ukrajna sabiex tirreżisti lir-Russja.

Min-naħa l-oħra l-Bulgarija għandha bażi tan-NATO b’saħħitha ħafna fuq l-art tagħha u naf għax żort il-Bulgarija snin ilu bħal parti mill-viżiti tagħna f’pajjiżi differenti. Irridu naraw kif se tkun qiegħda tisvolġi speċjalment għal dawk il-pajjiżi li huma dipendenti fuq il-gass Russu, naturalemnt fl-immedjat u kif l-istess ammonti ta’ gass li r-Russja se tkun qiegħdha twaqqaf milli tiddistrbwixxi lill-Ewropa, hux se tkun qiegħdha tiddistribwixxihom lill-pajjiżi fl-Asja bi prezz imraħħas u jħallsuha bil-munita rublu.

 

Dan l-artiklu huwa miktub minn Clint Flores: Ekonomista, għix u ħadem fi Brussell għal aktar minn 8 snin u fejn ħadem mal-Istituzzjonijiet Ewropej kollha. Għal perjodu, kien ukoll il-President tal-Budget tal-Unjoni Ewropea, u wara, ir-Rappreżentant Malti għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-Politika u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com