KurżitàJiem – Qanqal L-Immaġinazzjoni Ġewwa L-Esplora!

 KurżitàJiem – Qanqal L-Immaġinazzjoni Ġewwa L-Esplora!

Meta nitkellmu dwar xjentist, ħafna jimmaġinaw persuna b’xi ġagaga bajda jesperimenta b’xi kimika. Veru li dik il-persuna taħdem fil-kamp tax-xjenza, imma x-xjenza hija ħafna iktar minn kimika u esperimenti f’laboratorju. Ix-xjenza hija varjata ħafna u l-applikazzjoni tagħha hija pjuttost vasta wkoll.

Is-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, magħrufa aktar bħala suġġetti STEM, jimirħu f’oqsma diversi tax-xjenza u l-applikazzjoni tagħha. Pereżempju, ġewwa sptar issib tobba, infermiera, kirurgi, radjologi, nies li jaħdmu fil-laboratorji u ħafna aktar. Kollha kemm huma jispeċjalizzaw fix-xjenza medika u għalkemm għandhom rwoli differenti, flimkien jagħmlu s-sistema ta’ kura tas-saħħa effettiva. U xi ngħidu għat-Teknoloġija u l-Inġinerija? Dan il-qasam xjentifiku sar vast ħafna dan l-aħħar, grazzi għall-avvanzi teknoloġiċi kbar. Eżempju ieħor huwa l-Matematika. Il-Matematika tiġi applikata f’ħafna xogħlijiet oħra li xi kultant lanqas biss naħsbuhom. Kont taf li l-bennejja u l-periti japplikaw ħafna metodi matematiċi biex ifasslu ħnejja jew arkata? Jekk għandek xi kurżitajiet simili, KurżitàJiem ser jgħinek issolvihom.

Fl-avveniment li jġib l-isem ta’ KurżitàJiem, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora ser jiċċelebra d-diversità fix-xjenza u r-riċerka li ssir hawn Malta minn bosta professjonisti. Min ser ikun qed iżur iċ-ċentru bejn id-19 u l-24 t’April, ser ikun jista’ jiltaqa’ ma’ nies li għandhom passjoni għax-xjenza u li jipprattikawha fil-ħajja ta’ kuljum. Il-viżitaturi ser ikunu jistgħu jipparteċipaw f’numru t’attivitajiet interattivi biex jesploraw u japprezzaw aktar kif ix-xjenza tar-riċerka għandha impatt fuq ħajjitna u l-ambjent li ngħixu fih.

Ser issib persuni jaħdmu fit-teknoloġija tad-drones, min jaħdem fuq speċi mikroskopiċi, min jiffoka fuq ħlejjaq tal-baħar u pjanti, u ħafna aktar! Hemm ħafna riċerkaturi li jagħmlu xogħol interessanti mmens, però mhux dejjem forsi nkunu nafu dwaru, u forsi għax din l-informazzjoni mhux daqshekk aċċessibbli. B’hekk KużitàJiem ser ikun qed joffri spazju lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-adulti, u kull min għandu xi kurżità, sabiex jiskopri ftit mix-xogħol siewi u eċċellenti li qed isir fir-riċerka hawn Malta.

Qanqal l-immaġinazzjoni u staqsi. Għalhekk fil-vaganzi li ġejjin, żur iċ-ċentru Esplora għal KurżitàJiem, u min jaf, forsi f’dawn il-ġranet ta’ kurżità, issib l-ispirazzjoni u tqanqal iktar interess lejn ix-xjenza.

Il-biljetti tad-dħul jistgħu jinxtraw min fuq is-sit https://esplora.org.mt/kurzitajiem/?lang=mt , jew mir-reception.

Dan l-artiklu nkiteb minn Des Cini, Education Programme & Content Developer ġewwa Esplora Interactive Science Centre.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com