Tliet Passiġġieri Jinqabdu Fl-Ajruport Ta’ Malta B’€31,410 Fi Flus Mhux Iddikjarati

 Tliet Passiġġieri Jinqabdu Fl-Ajruport Ta’ Malta B’€31,410 Fi Flus Mhux Iddikjarati

Żewġt iklieb tal-Dipartiment tad-Dwana rnexxielhom jinterċettaw €31,410 fi flus kontanti mhux iddikjarati fuq tliet passiġġieri li kienu se jħallu Malta mill-Ajruport Internazzjonali.

Fi stqarrija d-Dwana qalet li l-kelb Gypsy għamel reazzjoni pożittiva waqt ronda lejn żewġ passiġġieri Sirjani li kienu se jivvjaġġaw lejn Erbil, fl-Iraq.

Wieħed mill-passiġġieri Sirjani ġie avviċinat mill-Uffiċjali tad-Dwana u mistoqsi biex jiddikjara kemm kien qed iġorr flus. Huwa wieġeb li kien qed iġorr madwar €7,000.

Tfittxija li saret fuq il-passiġġier wasslet biex instabu €8,000 f’borża żgħira li kien qed iġorr u €2,095 oħra fil-bagalji tiegħu.

Il-passiġġier Sirjan l-ieħor instab li kien qed iġorr €10,130 b’kollox, fi flus kontanti mhux iddikjarati.

Fi tfittxija oħra l-kelb tad-Dwana Charlie interċetta €11,185 fi flus kontanti mhux iddikjarati fis-sala tat-tluq tal-Ajruport fuq passiġġier Somalu. Il-passiġġier, li kien qed jivvjaġġa lejn Dakar minn Istanbul, meta twaqqaf mill-Uffiċjali tad-Dwana huwa ddikjara li kien qed iġorr madwar €7,000 iżda fi tfittxija li saritlu nstab li kellu fuqu €11,185 fi flus kontanti mhux iddikjarati.

It-tliet passiġġieri qablu li jħallsu multa amministrattiva flok jgħaddu proċeduri l-qorti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com