Alex Agius Saliba F’Laqgħat Mal-Ġganti Tat-Teknoloġija Fid-Dinja

 Alex Agius Saliba F’Laqgħat Mal-Ġganti Tat-Teknoloġija Fid-Dinja

L-Ewro-Parlamentari tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba jinsab f’Silicon Valley fl-Istati Uniti flimkien ma’ delegazzjoni mill-Parlament Ewropew fejn bħalissa qed jiltaqa’ mal-ġganti fid-dinja.

“Huwa ta’ unur li bħala Viċi-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew responsabbli mis-settur diġitali u bħala Ewro-Parlamentari li ħdimt fuq l-Att għas-Servizzi Diġitali u issa fuq iċ-charger komuni nkun nista’ niddiskuti ma’ wħud mill-akbar kumpaniji tad-dinja fis-settur. Stajt nispjega l-viżjoni tiegħi u tal-kollegi għal settur aktar ġust u li jħares id-dinjita’ taċ-ċittadini Ewropej”, sostna Dr Agius Saliba.

Matul din iż-żjara fl-Istati Uniti, id-delegazzjoni ta’ 8 Ewro-Parlamentari ddiskutiet l-aħħar żviluppi fil-qasam diġitali Ewropew u dawk tal-kontinent Amerikan, l-użu tal-kummerċ elettroniku, l-intelliġenza artifiċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-platforms onlajn u l-ekonomija kondiviża.

L-MEP Alex Agius Saliba kellu l-opportunita’ li jmexxi l-laqgħa tad-delegazzjoni Ewropea mal-kumpanija internazzjonali Apple. Hawnhekk Agius Saliba spjega x-xogħol li qed isir fuq iċ-charger komuni fuq livell Ewropew u kompla jiddiskuti ma’ Apple kif ser ikunu qed jintegraw ic-charger komuni fil-prodotti l-ġodda tagħhom.

F’ laqgħa mal-Viċi-President tal-kumpanija META Alex Agius Saliba appella lill Facebook sabiex twaqqaf id-diskriminazzjoni kontra Maltin li jikkrejaw kontenut diġitali. Huwa sostna illi dawn qed jispiċċaw jiġu eskluzi milli jużaw l-instream ads u għaldaqstant ma jaqilgħux flus minn reklamar għal kuntrarju ta’ content creators illi ġejjin minn pajjiżi oħra.

Id-delegazzjoni Parlamentari żaret il-kwartieri ġenerali tal-kumpanija META (Facebook, Whatsapp u Instagram), Google, Apple, Airbnb, eBay, Paypal, HP, Cloudfare, Uber, Salesforce u l-Universita’ ta Stanford. Agius Saliba spjega kif il-leġiżlazzjoni tal-Att għas-Servizzi Diġitali hija waħda kruċjali għal dawn il-kumpaniji u l-kuntatt ma’ dawn il-kumpaniji huwa wieħed essenzjali sabiex l-effettivita’ ta’ dawn il-liġijiet tkun żgurata bl-aħjar mod possibli u tħalli l-aqwa effett possibli fil-ħajja tal-konsumaturi Ewropej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com