“Alla Ħares Ma Rebħitx L-Ukrajna…In-Newtralità Postha Fiċ-Ċimiterju” – Peppi Azzopardi
“Alla Ħares Ma Rebħitx L-Ukrajna…Ħarsu lejn dan it-tifel mill-Ukraina jsellem lil ħbieb, lil tal-familja. Bagħtuh ’il barra mill-gwerra biex ma jispiċċax biċċiet.”
Peppi Azzopardi f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qasam ħsibijiet dwar dak li għaddej fl-Ukrajna kif ukoll dwar il-Eurovision tas-Sibt li għadda.
Peppi Azzopardi kompla, “iltqajt mal-istorja tal-mara li kienet fl-aħħar jiem biex twelled. Ġiet il-Gwerra u żewġha mar jiġġieled. Dak inhar li welldet it-tarbija tagħhom, lir-raġel tagħha qatluh.”
Peppi kompla jesprimi l-opinjoni tiegħu għalfejn fil-Eurovision in-nies madwar l-Ewropa għażlu l-kanzunetta tal-Ukrajna. “Għax tkellmu f’isem dan it-tifel, f’isem dik it-tarbija li qatlulha ’l missierha kif xirfet fid-dinja. Kienet deċiżjoni politika li ħadu n-nies anke jekk, bħali, għogbitni iktar ta’ Sweden.”
Huwa qal li l-Eurovision in-nies dawruh f’għodda ta’ protesta. “Diversi tkażaw fuq Facebook għax ħallatna l-politika mal-mużika,” tenna Peppi, filwaqt li kompla jgħid, “Għalija kanzunetta mhux artistika jekk illum tinjora l-mijiet ta tfal li, sakemm qed taqra, laħqu splodewhom.”
“Għalija l-arti mhux arti jekk l-artisti jibqgħu komdi u ħadd ma jkanta f’isem l-immigranti li qed jintbagħtu lura l-Libja u jkunu stuprati u ttorturati u maqtula. Għalija artisti ta’ veru ma jibżgħux li jinftiehem ħażin, li ma tibqax tipprova tingħoġob ma’ kulħadd, li ma jibżgħux mill-poter politiku jew multi-miljunarji,” sostna Peppi Azzopardi fil-messaġġ imqanqal tiegħu.
Huwa qal li l-arti newtrali mhux arti imma aljenazzjoni.
Peppi Azzopardi temm jgħid li f’dan il-Eurovision, in-nies ma baqgħux newtrali “u sewwa għamlu. In-newtralità postha fiċ-ċimiterju.”