“Anke Min Hu Vittma Ta’ Dipendenza Għandu Postu Fis-Soċjetà” – Il-President ta’ Malta George Vella

 “Anke Min Hu Vittma Ta’ Dipendenza Għandu Postu Fis-Soċjetà” – Il-President ta’ Malta George Vella

Waqt konferenza bit-tema ‘Ix-xogħol…u l-addiction?’ organizzata mill-Fondazzjoni OASI b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tar-Reġjun Tramuntana, il-President ta’ Malta osserva li l-ħidma tal-Fondazzjoni OASI tmur lil hinn mill-irwol oriġinali tagħha ta’ ċentru għar-riabilitazzjoni.

Fisser kif b’ħidmietha, il-fondazzjoni qed tixpruna d-djalogu fuq fenomenu soċjali li sa ftit ilu kien meqjus bħala taboo u u tiġbor flimkien professjonisti varji magħqudin f’għan wieħed: il-ġid tas-soċjetà.

F’diskors waqt l-istess konferenza, il-President stqarr li jemmen bis-sħiħ li l-ebda persuna m’għandha tiċċaħħad milli jkollha aċċess għal taħriġ professjonali u opportunitajiet ta’ xogħol dinjitużi.

Saħaq li l-irwol ta’ min iħaddem, flimkien ma’ professjonisti oħra, huwa kruċjali fil-mixja tagħna lejn soċjetà aktar ġusta. Fuq kollox, il-President żied jgħid li dawk vittmi ta’ dipendenza, għandhom jingħataw kull simpatija u mogħdrija. Altru minn hekk stqarr li l-empatija u r-rispett reċiproku, huma għodod importanti biex tiġi miġġielda l-istigma marbuta mad-dipendenza.

Il-President żied jgħid li kull każ għandu jiġi trattat b’mod individwali u tenna l-messaġġ tiegħu favur soċjetà inklussiva u li lesta tifhem, tagħder u tinkludi, minflok toħnoq u tkasbar persuni li għaddejjin minn sfidi relatati mad-dipendenza.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com