Carlo Micallef Jinħatar Kap Eżekuttiv Tal-Awtorità Maltija Għat-Turiżmu
Carlo Micallef inħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Is-Sur Micallef huwa gradwat mill-Università ta’ Malta b’Baċċelerat fil-Kummerċ, Management bi speċjalizzazzjoni fil-Marketing.
Matul dawn l-aħħar 25 sena huwa serva f’diversi rwoli importanti fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Matul dan il-perjodu huwa serva bħala Direttur tal-istess Awtorità fl-uffiċju ta’ Amsterdam fejn kien responsabbli għall-promozzjoni tal-Gżejjer Maltin fl-Olanda, il-Belġju u l-pajjiżi Nordiċi. Wara din l-esperjenza barra minn xtutna, irritorna Malta u kien inkarigat mit-tkabbir fil-promozzjoni ta’ pajjiżna f’diversi swieq ġodda u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda ta’ turiżmu.
Fl-2014, Carlo Micallef inħatar bħala Chief Marketing Officer u fl-2017 inħatar bħala Deputat Kap Eżekuttiv tal-istess awtorità.
Filwaqt li fl-2013, huwa beda jservi fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi sakemm fl-2017 inħatar Chairman tal-istess istituzzjoni edukattiva.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq kif l-għażla ta’ Carlo Micallef hija pass naturali biex l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkun mutur proattiv li permezz tiegħu s-settur turistiku Malti jkun wieħed ibbażat fuq il-prinċipji tal-kwalità u s-sostenibbiltà.
Il-Ministru rringrazzja lil Johann Buttigieg li serva f’dan l-irwol għax-xogħol tiegħu matul is-snin.