Cyrus Engerer Imexxi S-Sejħa Ewropea Għat-Twaqqif Tal-Esportazzjoni Tal-Iskart F’Pajjiżi Terzi

 Cyrus Engerer Imexxi S-Sejħa Ewropea Għat-Twaqqif Tal-Esportazzjoni Tal-Iskart F’Pajjiżi Terzi

“Irridu nwaqqfu minnufih l-esportazzjoni tal-iskart lejn pajjiżi terzi li m’għandhomx il-fakultà li jittrattaw u jirriċiklaw skart bl-istandards bħal ma għandna fl-Ewropa – prattika egoista li fl-aħħar mill-aħħar mhux sostenibbli.” Hekk qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer wara li ssottometta l-pożizzjoni tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq ir-Regolament dwar l-Esportazzjoni tal-Iskart, li bħalissa qiegħed jiġi nnegozzjat fil-Parlament Ewropew.

“Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea għandha twaqqaf għal kollox l-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik. Dan ma jistax jibqa’ jintrema. Irridu nirriċiklaw il-prodotti kollha tal-plastik fl-Ewropa, u nsaħħu l-ekonomija tal-plastik għal waħda ċirkulari.”

Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija mistennija li tiġi ffinalizzata fix-xhur li ġejjin, biex imbagħad jittieħed vot fuq din il-pożizzjoni wara l-vaganzi tas-sajf. Il-proposta għal dan ir-regolament ġiet ppublikata f’Novembru li għadda, u tipproponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-iskart lejn pajjiżi ‘l barra mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD). Minkejja dan, kienu bosta attivisti tal-ambjent li maqdru din il-proposta, fejn qalu li din ma kienitx ambizzjuża biżżejjed. L-ambjentalisti qiegħdin jipproponu projbizzjoni totali fuq l-esportazzjoni tal-iskart kollu tal-Unjoni Ewropea lejn pajjiżi terzi li m’għandomx l-istess garanzija ambjentali biex jittrattaw l-iskart bl-istess mod, daqs li kieku ġie ttrattat fl-Unjoni Ewropea. Din hi l-pożizzjoni li mexxa ‘l quddiem il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer.

L-esportazzjoni tal-iskart mill-Unjoni Ewropea żdied matul is-snin, fejn il-kummerċ internazzjonali tal-iskart żdied b’75% bejn is-snin 1992 u 2016. Fl-2020 biss, l-UE esportat madwar 33 miljun tunnellata ta’ skart lejn pajjiżi barra mill-Unjoni, waqt li bħalissa tesporta madwar 20% tas-sehem dinji tal-iskart lejn pajjiżi terzi.

“Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija waħda globali, u ma nistgħux niġġilduha waħidna – punt li ilna nisħqu fuqu tul dawn l-aħħar snin,” qal Engerer. “X’isir fuq naħa waħda tad-dinja, ser ikollu impatt profond eluf ta’ kilometri ‘l bogħod ukoll. Għalhekk huwa inaċċettabbli li l-Unjoni Ewropea tkompli tarmi l-iskart tagħha billi tibgħatu lejn pajjiżi terzi, meta dawn l-istess pajjiżi m’għandomx il-faċilitajiet biex jittrattaw l-iskart mingħajr ma jħallu impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.”

Filwaqt li nnota l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, Engerer ikkritika l-Kummissjoni Ewropea talli ma kienitx ambizzjuża biżżejjed, speċjalment fuq l-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik.

“Bħala Soċjalisti, ser inkunu qiegħdin inressqu ukoll l-għajta għall-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik. Irridu nirrealizzaw kemm qiegħdin nagħmlu ħsara kemm liċ-ċittadini f’dawn il-pajjiżi terzi, kif ukoll lill-pjaneta. Prattiċi li fl-aħħar mill-aħħar ser jaffetwaw lilna lkoll, iżda bħalissa, l-aktar li qiegħdin ibatu huma dawk f’pajjiżi terzi, speċjalment f’reġjuni foqra. Irridu nieqfu nesportaw u narmu l-problemi tagħna fuq l-aktar nies vulnerabbli fid-dinja. Għalhekk, aħna l-grupp tas-Soċjalisti ser inkunu qiegħdin nitolbu li dan jitwaqqaf għal kollox, u biex fl-aħħar tiġi implementata l-Konvenzjoni ta’ Basel tal-1992, bl-impenn li titwaqqaf l-imxija tal-iskart tossiku minn pajjiżi żviluppati lejn dawk li għadhom lura ekonomikament,” qal Engerer.

Hu kkonkluda billi qal li għan ieħor importanti tar-regolament hu li jingħataw poteri ġodda lill-OLAF fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-qasam tat-trasport tal-iskart.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com