Ftehim Li Jassigura Aktar Sapport U Servizzi Għall-Anzjani Li Jisfaw Vittmi Ta’ Kriminalità
Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija għall-Vittmi ta’ Kriminalità u Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, anzjani li jisfaw vittmi ta’ kriminalità se jkunu jistgħu jaċċessaw u jingħataw is-servizzi li joffru ż-żewġ entitajiet b’iktar faċilità u mingħajr dewmien bla bżonn, dan grazzi għal kollaborazzjoni aħjar bejn it-taqsimiet tas-social workers.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
F’diskors qasir, il-Ministru Byron Camilleri qal li l-ftehim milħuq se jara li fost l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, l-anzjani, jiġu mgħejjuna u assistiti ferm aktar. “Dan huwa Gvern li l-anzjani mhux biss qed jeħdilhom ħsieb l-għajxien tagħhom biż-żidiet fil-pensjonijiet u bl-għajnuniet fiskali l-oħra, mhux biss qed jgħinhom billi jassigura l-aħjar kura medika, servizzi ġerjatriċi u soċjali, iżda qed jaħdem għas-sigurtà tagħhom fil-komunitajiet, u kemm il-darba xorta jisfaw vittmi qed jara li jkun ta’ spalla sabiex jassigura li tasal kull għajnuna possibli.”
Il-Ministru spjega kif bejn Jannar u April 2022, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità serviet ‘il fuq minn sebgħin vittma tal-kriminalità li l-età tagħhom taqbeż il-ħamsa u sittin sena. Dawn huma numri sostanzjali qal il-Ministru Camilleri filwaqt li tenna kif l-Aġenzija temmen li s-servizz lejn il-vittmi tal-kriminalità għandu jkun servizz ħolistiku u għaldaqstant l-ftehim tal-lum se jgħin mhux ftit biex jintlaħaq dan l-għan.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Jo Etienne Abela qal li “sar referral ticket komuni bejn l-entitajiet biex dan kollu jitwettaq bl-aħjar mod. Tajjeb ngħidu li l-Victim Support Agency (VSA) għandha sapport legali qawwi li tagħti lill-vittmi filwaqt li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) għandu erbgħa u għoxrin servizz fil-komunità li jgħin f’dan ir-rigward. Fil-ftehim hemm ukoll kollaborazzjoni dwar taħriġ bejn l-entitajiet biex iż-żewġ naħat ikunu jafu dwar is-servizzi ta’ xulxin. Il-partijiet se jaħdmu wkoll biex jiżdied l-għarfien dwar l-anzjanità attiva, servizzi fil-komunità, kif ukoll id-drittijiet ta’ min isofri l-abbuż u x’għajnuna hemm. Se ssir ukoll riċerka flimkien bejn l-entitajiet fuq il-vjolenza domestika”, spjega l-Ministru Abela.
“Il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ il-miżuri soċjali favur l-anzjani u dan tal-lum huwa pass ieħor biex ikomplu jittejbu s-servizzi lilhom,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità s-Sur Brian Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele.
Ritratt: DOI