“Għandhom Jiġu Stabbiliti Biżżejjed Riżorsi Sabiex Tissaħħaħ Iċ-Ċibersigurtà Fl-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej” – Alfred Sant
Fi stqarrija maħruġa mill-Grupp tas-S&D fil-Parlament Ewropew fi tmiem id-diskussjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar Dora, il-liġi Ewropea l-ġdida li tirregola ċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet finanzjarji, il-MPE Laburista Alfred Sant appella biex issa jiġu stabbiliti biżżejjed riżorsi sabiex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. Il-kuntest ġeopolitiku attwali jagħmel l-implimentazzjoni effettiva tar-regolament il-ġdid essenzjali peress li l-attakki ċibernetiċi qed jiżdiedu.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Grupp Soċjalista u Demokratiku (S&D) kien in-negozjatur dwar l-Att dwar ir-Reżiljenza Operattiva Diġitali għas-S&D hekk kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-liġi l-ġdida.
Sant stqarr li l-leġiżlazzjoni l-ġdida se tiżgura li l-banek, l-assiguraturi u istituzzjonijiet finanzjarji oħra fl-Unjoni Ewropea jkunu mgħammra aħjar biex jipprevjenu, jiskopru u jsolvu riskji u tfixkil operattiv diġitali. Filwaqt li żguraw li jadottaw leġiżlazzjoni bilanċjata bl-ammont korrett ta’ flessibbiltà u proporzjonalità, is-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) żguraw ukoll li jingħalqu l-lakuni. Fornituri ta’ servizzi mhux Ewropej inklużi kumpaniji kbar tal-“cloud” li huma kruċjali għat-tħaddim tas-settur finanzjarju Ewropew se jkunu soġġetti għal regoli armonizzati stretti.
Sant saħaq li l-Grupp Soċjalista u Demokratiku (S&D) ried li r-rekwiżiti l-ġodda japplikaw ukoll għall-awdituri peress li dawn għandhom aċċess priviliġġjat għall-infrastrutturi tat-teknoloġija tal-informatika tal-entitajiet finanzjarji. Minflok, ġiet introdotta klawżola ta’ reviżjoni biex tiġi vvalutata l-ħtieġa li jiġu inklużi l-awdituri fil-leġiżlazzjoni fil-futur.