“Għandu Jkun Hemm Investigazzjoni Indipendenti Dwar Kif Iosif Galea Tħalla Joħroġ Minn Malta” – Il-MP Joe Giglio

 “Għandu Jkun Hemm Investigazzjoni Indipendenti Dwar Kif Iosif Galea Tħalla Joħroġ Minn Malta” – Il-MP Joe Giglio

“Il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li ssir inkjesta indipendenti dwar kif Iosif Galea tħalla joħroġ minn Malta minkejja li kellu ordni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.”

Dan qalu f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern Joe Giglio, fejn żvela wkoll kif, minkejja li kien investigat ukoll mill-Pulizija Maltija, tħalla jsiefer bil-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Joe Giglio spjega kif, minħabba dawn l-investigazzjonijiet, Galea ngħata Police Bail li magħha  jkollha l-kundizzjoni li ma jistax isiefer jekk mhux bil-permess tal-Korp. Għaldaqstant, il-fatt li ħalla Malta diversi drabi jfisser li dan ingħata l-permess mill-Korp stess.

“Dan mhu xejn ħlief daqqa ta’ ħarta oħra lejn l-integrità u r-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, immexxi mill-Kummissarju Angelo Gafa.”

Joe Giglio qal li l-Kummissarju tal-Pulizija falla bil-kbir meta injora għal kollox talba ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Barra minhekk, dan il-każ hu theddida serja għas-sigurtà ta’ pajjiżna għax, jekk hemm każi ta’ persuni oħrajn, l-Ajruport u l-portijiet m’għandhomx idea tagħhom.

“Din hi raġuni oħra għaliex il-Partit Nazzjonalista qed itenni l-ħtieġa ta’ Inkjesta Indipendenti biex ir-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ma tkomplix tittappan b’dan il-mod,” temm jgħid Joe Giglio.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com