Jitnieda L-Programm Tas-Sajf Mill-Aġenzija Żgħażagħ

 Jitnieda L-Programm Tas-Sajf Mill-Aġenzija Żgħażagħ

Ġie mniedi l-programm tas-sajf imfassal minn Aġenzija Żgħażagħ, li joffri numru ta’ programmi bil-għan li jħejju liż-żgħażagħ biex jiksbu diversi life skills sabiex ikunu preparati għat-tranżizzjoni tant kruċjali f’ħajjithom mill-fażi taż-żgħożija għal dik ta’ adulti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħeġġeġ lill-istudenti u ż-żgħażagħ biex issa li dalwaqt deħlin il-vakanzi tas-sajf, filwaqt li jgawdu, jagħmlu wkoll użu tajjeb minn dan il-perjodu. “Irridu li nħejju liż-żgħażagħ tagħna b’mod tajjeb f’dan il-mument kruċjali ta’ ħajjithom, għalhekk permezz tal-programmi offruti nagħmlulhom din il-fażi ta’ tranżizzjoni aktar faċli.” Il-Ministru Grima kompla li liż-żgħażagħ se jagħtuhom dak kollu li huwa possibbli biex irawmuhom bħala ċittadini onesti u responsabbli, kif  ukoll irawmu fihom l-abbiltajiet li għandhom bżonn għall-futur tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza li jinvestu f’dan iż-żmien – mill-fażi tal-età żagħżugħa għall-età adulta. Sostna li dan iż-żmien iġib miegħu diversi sfidi, iżda b’appoġġ adegwat u billi dawn iż-żgħażagħ jiġu preparati biex jiksbu ħiliet fundamentali, fosthom kif jikkomunikaw, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ħsieb kritiku, dawn jgħinu biex inaqqsu l-isfidi li jiffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet. “Nifhem l-importanza ta’ programmi bħalma nedejna llum b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u nħares ‘il quddiem sabiex bħala gvern nibqgħu ninvestu f’din il-popolazzjoni li tiddetermina l-futur tas-soċjetà tagħna,” kompla s-Segretarju Parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li l-programm tas-sajf joffri numru ta’ programmi interattivi li ż-żgħażagħ jistgħu jipparteċipaw fihom kemm fil-postijiet li għandha l-Aġenzija fl-Imsida, Santa Venera, il-Kottonera u Għawdex, kif ukoll online. “F’dawn il-programmi nużaw diversi metodi bħall-fotografija, id-drama, il-mużika u anke numru ta’ riżorsi oħra biex ngħinu liż-żgħażagħ jiksbu numru ta’ life skills li ma tiksibhomx mill-iskola. Dawn il-ħiliet huma importanti biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu l-indipendenza, irabbu aktar kunfidenza u jgħollu s-self esteem,” kompliet Miriam Teuma.

Aktar informazzjoni u dettalji dwar il-programmi kif ukoll applikazzjonijiet jinsabu fuq is-sit youth.gov.mt.

Il-korsijiet f’dan il-programm huma:

My Next School Adventure – Programm għall-istudenti li spiċċaw s-sitt sena u se jibdew l-iskola medja, fejn l-istudenti jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra li jkunu għaddejjin mill-istess tranżizzjoni tal-iskola.

Secondary School Survival Kit – Toffri lill-istudenti ħiliet essenzjali għall-aħħar tliet snin tal-iskola sekondarja.

Make Head – Jagħti liż-żgħażagħ ħiliet għal tranżizzjoni b’suċċess mill-iskola sekondarja għal-livell post-sekondarju. Is-sezzjonijiet jindirizzaw diversi temi billi jiffokaw fuq l-attiviżmu, il-ħajja komunitarja u l-ħajja fl-iskola.

Act On – Juża d-drama bħala għodda biex jgħin liż-żgħażagħ jiksbu iktar kunfidenza fihom infushom.

Take Action through Photos – Programm li permezz tiegħu ż-żgħażagħ jieħdu diversi ritratti biex iwasslu messaġġi dwar sitwazzjonijiet jew azzjonijiet differenti.

Sound on – Jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ jesploraw u jidħlu fix-xandir tar-radju.

Swish! – Huwa programm ta’ sport bl-użu tas-siġġijiet tar-roti biex iħaddan l-idea u jippromwovi l-valuri tal-inklużjoni, fejn iż-żgħażagħ jesperjenzaw ir-realtajiet differenti li nsibu madwarna.​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com