Ħaddiem Imut Wara Li Waqa’ Tliet Sulari F’Sit Ta’ Kostruzzjoni F’Ta’ Xbiex

Tork ta’ 49 sena residenti Tas-Sliema tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ madwar 3 sulari ġo xaft waqt li kien qed jaħdem.
L-aċċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-6pm, f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Testaferrata kantuniera ma’ Triq Enrico Mizzi, Ta’ Xbiex.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, iżda sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.