“Il-Kunsill Tal-Lum Huwa Dwar Il-Valuri U L-Prinċipji Komuni Ewropew, Però Ma Rridux Ninsew L-Isfidi Fil-Viċinat Tan-Nofsinhar” – Il-Ministru Ian Borg
Waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin li seħħ fi Brussell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg reġa’ tenna s-solidarjetà ta’ Malta mal-Ukrajna u l-poplu Ukren, esprima l-appoġġ għal aktar diskussjoni mal-Balkani tal-Punent, filwaqt li fakkar fir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għall-viċinat tan-Nofsinhar.
Il-Kunsill kellu diskussjoni mal-ministri tal-Balkani tal-Punent u anke mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Kuleba dwar l-agressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-Ministru Borg għal darb’oħra tenna l-bżonn għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna u sostna li hemm bżonn biex iż-żewġ partijiet jidħlu f’diskussjonijiet għall-paċi sabiex ikun ipprovdut kuritur sigur li minnu jistgħu jkunu evakwati n-nies filwaqt li jkun hemm l-għajnuna umanitarja.
Matul il-laqgħa mal-ministri tal-Balkani tal-Punent saret diskussjoni dwar l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-Balkani tal-Punent u kif l-Unjoni Ewropea tista’ żżid l-isforzi f’dan ir-reġjun.
Rigward il-Balkani tal-Punent, il-Ministru Borg qal li l-Unjoni Ewropea għandha tipprijoritizzahom filwaqt li anke tieħu nota tal-aspirazzjoni tagħhom għal sħubija fl-UE, partikolarment minħabba l-aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna. L-UE għandha tkompli tispira u tinċentiva l-imsieħba fil-Balkani tal-Punent biex ikomplu bir-riformi li hemm bżonn.
Il-ministru tenna l-appoġġ ta’ pajjiżna għall-aspirazzjonijiet ta’ sħubija tal-Albanija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Dan il-pass jista’ jkun wieħed li jispira pajjiżi oħra f’dan ir-reġjun biex iżidu l-isforzi tagħhom favur aktar riformi. Il-Ministru Borg wera wkoll it-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina u rrijafferma l-appoġġ għall-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE Lajčák fir-rigward tad-Djalogu ta’ Belgrad Pristina.
Il-Ministru Borg tenna wkoll l-appoġġ ta’ Malta għall-isforzi tal-UE biex tindirizza l-isfidi tal-ikel u tal-enerġija lil hinn mill-fruntieri Ewropej.
Matul dan il-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ipparteċipa wkoll f’Kumitat Konġunt Ministerjali bejn l-UE u l-Kanada anke mal-Ministru Kanadiża għall-Affarijiet Barranin Mélanie Joly, fejn ġiet adottata d-dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u l-Kanada.
Ritratti: DOI