Il-Ministru Għall-Intern Jikkonferma Li Talab Investigazzjoni Dwar Kif Iosif Galea Tħalla Joħroġ Minn Malta

 Il-Ministru Għall-Intern Jikkonferma Li Talab Investigazzjoni Dwar Kif Iosif Galea Tħalla Joħroġ Minn Malta

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament fil-ħin tal-mistoqsijiet qal li talab investigazzjoni dwar il-każ ta’ Iosif Galea.

Huwa qal li l-Pulizija qed tinvestiga kif l-Eks Uffiċjal fl-Awtorità tal-Logħob ħareġ mill-pajjiż meta fil-konfront tiegħu kien inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.

Il-Ministru Byron Camilleri kien qed jirrispondi mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, meta saqsa kif din il-persuna tħalliet toħroġ mill-ajruport ta’ Malta meta kienet imfittxija mill-Pulizija.

Il-Ministru Camilleri tenna li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qallu li jekk jinstabu xi nuqqasijiet se jittieħdu passi.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa wkoll x’kien in-nuqqas tal-Pulizija li timponi l-mandat t’arrest meta l-persuna implikata toqgħod biss ftit passi ‘l bogħod mill-għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com