Il-PN Jappella Lill-Gvern Biex Iżid Is-Sigurtà F’Għawdex

 Il-PN Jappella Lill-Gvern Biex Iżid Is-Sigurtà F’Għawdex

“In-nuqqas ta’ sigurtá f’Għawdex hija xi ħaġa serja u ta’ kuljum. Dan in-nuqqas ġej mhux mill-uffiċjali li jaħdmu ħinijiet twal, imma minn min hu responsabbli li jalloka r-riżorsi umani u finanzjarji”, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Tenna li n-nuqqas ta’ pulizija f’Għawdex ilu jinħass. Qalu wkoll li Għawdex mhux distrett wieħed bħall-bqija tad-distretti ta’ Malta, iżda huwa bħal Malta sħiħa, anki jekk f’minjatura. F’Malta taf issib ċerti bżonnijiet f’distrett li ma ssibhomx f’ieħor. F’Għawdex, li huwa distrett wieħed, għandek iċ-ċans li ssib il-bżonnijiet kollha tad-distretti kollha ta’ Malta. Issa li resqin lejn l-istaġun tas-sajf, fejn il-popolazzjoni ta’ Għawdex nafu li aktar milli tirdoppja; fejn l-attivitajiet tal-pubbliku bħal festi u affarijiet oħra, jiżdiedu u bir-raġun ir-riżorsi umani tal-pulizija jibqgħu dawk li huma. 

“In-nuqqas ta’ sigurtà f’Għawdex ġej ukoll mill-fatt li l-popolazzjoni ta’ Għawdex inbidlet imma l-mod kif inħarsu lejn is-sigurtá ma nbidilx, jew qed jinbidlu bil-mod. Marsalforn u x-Xlendi saru fenomeni bil-bidla multikulturali. Anke f’dan ir-rigward is-sitwazzjoni tas-sigurtá ma nbidlitx, b’pulizija jew tnejn f’kull lokalitá minn dawn biex iħarsu dawn iz-zoni turistiċi. 

Il-Port tal-Imġarr, fejn fl-aħħar snin rajna żieda kbira fl-ammont ta’ stabbilimenti tad-divertiment ukoll jeħtieġ preżenza ta’ pulizija minħabba l-ammont kbir ta’ persuni li qed jattira b’mod partikolari fi tmiem il-ġimgħa.  L-istess japplika għal Kemmuna li, fis-sajf, kellha għassa miftuħa 24 siegħa kuljum. Din is-sena smajna li se tiftaħ mid-9am sat-8.30pm. Il-mistoqsija tibqa’ x’se jiġri wara dan il-ħin meta l-attivitá fis-sajf tibqa’ għaddejja matul il-lejl ukoll?

L-appell tal-Oppożizzjoni hu għall-Gvern biex iżid mill-aktar fis is-sigurtá fil-gżira Għawdxija. Dak li qed jiġri għandu jiftaħ għajnejn il-Gvern u ma għandux ikollna traġedja oħra biex imbagħad ikollna reazzjoni għalija.

L-istqarrija hija ffirmata minn Alex Borg – Kelliem għal Għawdex u Joe Giglio -Kelliem għall-Intern, is-Sigurtá u r-Riformi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com