Il-President Vella Jfisser Il-Valletta Design Cluster Bħala Mod Kif Jiġu Żviluppati T-Talenti

 Il-President Vella Jfisser Il-Valletta Design Cluster Bħala Mod Kif Jiġu Żviluppati T-Talenti

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miram Vella żaru l-Valletta Design Cluster, spazju kreattiv u kulturali ġdid iddedikat għall-kreattività u d-disinn fil-kapitali, taħt il-kappa tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Fi tmiem iż-żjara, il-President Vella feraħ lil min ġietu l-idea, lil min approva l-idea, u lill-ħaddiema kollha li wettqu dik l-idea biex binja abbandunata li fost oħrajn serviet bħala l-Biċċerija l-Antika tiġi rrestawrata u jinħoloq il-Valletta Design Cluster. Stqarr li l-Belt Valletta hekk jixirqilha, u tkun ħasra jekk nissottovalutaw il-valur arkittetoniku fil-kapitali.

Il-President irrimarka li bosta binjiet kienu jintilfu li kieku ma kienx għar-restawr u l-konservazzjoni, u rrefera għax-xogħol li għaddej fil-Palazz tal-Gran Mastru li qed jikxef xogħol oriġinali li maż-żmien intesa minħabba li tgħatta b’interventi addizjonali li saru matul is-snin. Il-President Vella żied jgħid li bl-użu li ngħatat din il-binja qed nirrivalutaw dak li writna mingħand il-Kavallieri. “L-iskop li ġie mogħti għal dak li huma start ups ta’ arti u ta’ kultura jidħol ħafna f’sintonija mal-intenzjoni tal-Belt”, qal il-President.

B’referenza għall-ġnien pubbliku mifrux fuq il-bejt kollu ta’ din il-binja, il-President qal li huwa importanti ħafna fil-belt li hija nieqsa mill-ġonna pubbliċi. Il-President appella biex nibżgħu għal din il-binja u tintuża għall-iskop li ġiet irrestawrata għalih.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, fid-diskors tiegħu, qal li l-Valletta Design Cluster qed jagħti lura lill-poplu spazju li jintuża mill-komunità, fil-qalba tal-komunità. Il-Ministru Bonnici żied jgħid li dan il-post qed jagħti ħajja lill-istart ups, li qal ukoll li huma l-qalb tħabbat ta’ ekonomija Ewropea li toħlom u li ma għandhiex biża’ li twettaq. “Aħna rridu li l-kultura tkompli tkun mutur ta’ bidla għall-aħjar f’pajjiżna”, temm jgħid il-ministru.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef iddeskriva l-Valletta Design Cluster bħala inkubatur ta’ ideat, li qal li qed jagħti riġenerazzjoni ekonomika, kulturali, u soċjali fil-Belt Valletta. Is-Sur Micallef stqarr li jinsab ferm kburi bis-suċċess kbir u l-eżempju li qed jagħti l-Valletta Design Cluster f’termini ta’ kif tista’ tiġi żviluppata binja sostenibbli għall-ibliet imħaddra ta’ għada.

Ritratti: DOI

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.