Imħabbar Proġett Li Se Jindirizza L-Problema Tal-Għargħar Fil-Qalba Taż-Żurrieq

 Imħabbar Proġett Li Se Jindirizza L-Problema Tal-Għargħar Fil-Qalba Taż-Żurrieq

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li se tiġi installata sistema ta’ stormwater culverts fiż-Żurrieq, permezz ta’ investiment ta’ madwar miljun ewro. Dan il-proġett se jkun qed jindirizza l-problema tal-għargħar fi Triq il-Bronja u ż-żoni tal-madwar.

Il-Ministru tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett, hekk kif se jagħmel differenza kbira wkoll fit-toroq dojoq tal-akwata fejn ma jistgħux isiru bankini biex jiġu evitati każijiet fejn l-ilma tax-xita jidħol f’bini eżistenti.

“Permezz ta’ dan il-proġett se nnaqsu inkonvenjent ieħor li ilu snin jurta lir-residenti ta’ din iż-żona fil-qalba taż-Żurrieq. Barra minn hekk, dan se jkun intervent ieħor minn kullana ta’ proġetti sabiex tittaffa l-problema tal-għargħar fuq skala nazzjonali u sabiex l-ilma li jinġabar, jintuża bħala riżorsa alternattiva bl-aħjar mod possibbli,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Il-Perit George Schembri, li huwa responsabbli mill-proġett, ta aktar dettalji rigward ix-xogħlijiet li se jsiru. Huwa spjega kif dan il-proġett se jipprovdi arterja ewlenija biex jinġema l-ilma fi Triq il-Bronja li se tingħaqad ma’ culvert eżistenti fi Vjal ix-Xarolla. Għaldaqstant, dan il-proġett se jikkonsisti f’bini ta’ culvert, b’tul totali li jaqbeż l-1,000 metru, b’61 metru ta’ catchment pits u 28 catchment chambers fejn jinġabar l-ilma. Il-proġett huwa maħsub li jieħu madwar 24 ġimgħa biex jitlesta.

Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li, “Waħda mill-problemi li għandna fiż-Żurrieq hi li meta tagħmel ix-xita jinżel l-ilma mill-inħawi ta’ Bubaqra u jibqa’ nieżel għall-pjazza. Permezz tas-sistema ta’ stormwater culverts li se tiġi installata, se tkun qed tittaffa l-problema tal-għargħar fil-qalba taż-Żurrieq”.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com