Investiment Ta’ €170,000 Fi Kmamar Tan-Nar Biex Itejbu S-Saħħa U S-Sigurtà Fl-Operat Tagħhom
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta investiment f’29 kamra tan-nar biex titjieb is-saħħa u s-sigurtà fl-operat ta’ dawn il-kmamar.
Dan permezz ta’ skema li fiha kien hemm allokati €170,000 għall-kmamar tan-nar li kienu interessati japplikaw għal din l-iskema.
Din l-iskema, li ilha toħroġ kull sena sa mit-twaqqif tagħha fl-2018, għandha l-għan li ssaħħaħ l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà tul il-ħidma mwettqa minn mijiet ta’ pirotekniċi li jaħdmu bla heda fuq bażi volontarja.
Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-benefiċjarji preżenti għax-xogħol u d-dedikazzjoni kbira tagħhom sabiex iżommu ħajjin it-tradizzjonijiet nazzjonali tagħna.
“Permezz ta’ din l-iskema, inkomplu nibnu fuq l-impenn tagħna lejn il-prattiċi tradizzjonali tagħna, speċjalment dawk li jikkumplimentaw il-festa Maltija. Dan bħala parti mill-impenn tagħna biex nissalvagwardjaw il-wirt kulturali intanġibbli ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Bonnici.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi saħqet dwar l-importanza ta’ dawn l-iskemi li jindirizzaw direttament il-kultura tradizzjonali tagħna.
“Għandna l-għan li niżguraw li l-akbar firxa tas-soċjetà tgawdi minn opportunitajiet ta’ appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, għall-benefiċċju ta’ kulħadd”, qalet Mary Ann Cauchi.
Il-kultura tal-logħob tan-nar f’Malta hija tradizzjoni li tmur lura għal għexieren ta’ snin u għadha meqjusa bħala attrazzjoni turistika artistika u qed tifforma parti mill-wirt kulturali Malti.
Din l-iskema talloka fondi, sa massimu ta’ €5,000, għal kull kamra tan-nar biex taġġorna l-infrastruttura tagħha sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aktar sigur, kemm waqt il-proċess tal-manifattura kif ukoll fil-ħruġ tal-logħob tan-nar.
Din l-iskema tippermetti wkoll fondi biex dawn il-fabbriki jkunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jtejbu l-kwalità tal-prodott pirotekniku innovattiv tagħna filwaqt li xorta jżommu prattiċi ta’ saħħa u sigurtà tal-ogħla livell.
Dan il-fond jinvesti wkoll fir-riżorsi edukattivi tas-saħħa u s-sigurtà fil-manifattura tal-logħob tan-nar, ir-restawr tal-kmamar tal-logħob tan-nar, u sforzi fit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-kmamar tal-logħob tan-nar lokali u Ewropej.
Ritratti: DOI