Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan Bi Programm Ta’ Attivitajiet F’Għeluq Il-160 Sena Mit-Twaqqif
Nhar il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2022 is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan se tkun qed tiċċelebra għeluq il-160 mit-twaqqif tagħha bħala La Banda dei Curmini fl-1862.
Għal din is-Soċjetà dan huwa mument uniku li fih se jkunu qed jagħtu ġieħ lil dan il-patrimonju kulturali f’Ħal Qormi, soċjetà li għal dawn l-aħħar 160 sena xerrdet il-kultura u t-tagħlim tal-mużika, ipprovdiet każin fejn il-membri jiltaqgħu għal attivitajiet soċjali, kulturali u mużikali, u ħadet sehem fil-ġrajjiet l-iktar importanti li seħħew fil-Belt Pinto f’iktar minn seklu u nofs.
Biex jiċċelebraw dan kollu, is-Soċjetà ħejjiet programm ta’ attivitajiet. Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Ġunju, sa jsir BBQ fil-pjazza ta’ quddiem il-każin għall-membri u l-partitarji numerużi tas-Soċjetà. Is-Sibt f’nofsinhar, fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Soċjetà, sa jixxandar programm ta’ marċi brijużi li permezz tagħhom sa jirrakkuntaw mumenti mill-istorja twila tas-Soċjetà. Waranofsinhar sa ssir żjara lil ex membri u bandisti tas-Soċjetà fir-Residenza San Vinċenz De Paule.
Il-Ħadd, fit-8am sa ssir quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Knisja Arċipretali ta’ San Bastjan bis-sehem tal-Banda.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu t-Tnejn, 6 ta’ Ġunju, fit-8.15pm permezz ta’ kunċert imtella’ mill-Pinto Brass Band bl-isem ta’ ‘Mija u Sittin – Ġrajjietna u Għanjietna’.
Dan il-programm sa jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dominic Darmanin, bis-sehem tal-attur Aaron Fenech u l-kantanti Charlene Vella u Sebastian Calleja, bi preżentazzjoni ta’ Liam Carter. Il-programm ser isir fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin u sa jipprovdi mużika popolari u ċelebrattiva, imżewqa b’kant u siltiet li jfakkru mumenti partikolari mill-istorja tas-Soċjetà.
Il-każini tal-banda huma patrimonju kulturali u soċjali intanġibbli, frott il-ħidma ta’ nies b’sens ċiviku li matul is-snin b’mod volontarju offrew il-ħin, il-ħiliet u l-ħidma tagħhom għall-ġid tal-komunità. Ħafna drabi għamlu dan f’każin li huwa propjetà tal-komunità nnifisha u li tmexxa minn kumitati maħtura b’mod demokratiku mill-membri li jibbenefikaw mill-ħidma tal-każin. Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan hija eżempju mill-aqwa ta’ każin bħal dan. L-attivitajiet li sa jsiru bejn it-3 u s-6 ta’ Ġunju iridu jiċċelebraw dan kollu. “Nistiednu lil kulħadd jingħaqad magħna.”