Iweġġa’ Gravi Wara Li Ħabat F’Central Strip Fil-Marsa
Żagħżugħ ta’ 27 sena weġġa’ gravi wara li tilef il-kontroll tal-karozza u ħabat.
L-aċċident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-1:45am, fi Triq il-Marsa, Marsa.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li vettura Mazda 323F misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti Marsaskala ħabtet ma’ barriers ta’ central strip fl-istess triq.
Passiġġiera fil-vettura kien hemm raġel ta’ 19-il sena residenti Raħal Ġdid u tfajla ta’ 17-il sena residenti l-Ħamrun.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard ir-raġel ta’ 27 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li t-tfajla ġarrbet ġrieħi ħfief.
Ir-raġel ta’ 19-il sena ma sofriex ġrieħi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.