Jindarab Gravi Wara Li Allegatament Ġie Aggredit Minn Żewġt Irġiel Fil-Ħamrun

Somalu ta’ 54 sena residenti l-Marsa sofra minn ġrieħi gravi wara li allegatament ġie aggredit.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-2am, meta daħal raġel l-Għassa tal-Ħamrun u stqarr li kien għadu kif ġie aggredit minn xi persuni waqt li kien qiegħed f’ħanut tax-xorb fi Triq il-Kbira San Ġużepp.
Minħabba li l-vittma, kellu xi ġrieħi, ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel; wieħed ta’ 35 sena minn Birkirkara u l-ieħor ta’ 17-il sena minn San Ġwann.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.